Sport

Gilbert Agius u Valletta b’ġest ta’ apprezzament lejn xulxin

Ritratt: Andrew Grima

Għall-ewwel darba f’karriera twila ta’ aktar minn 36 sena, kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ, illum it-tim avversarju ta’ Gilbert Agius kienu Valletta.

Agius, li fil-jiem li għaddew kien maħtur bħala l-kowċ il-ġdid ta’ Żabbar St Patrick, illum qed imexxi l-iskwadra tiegħu kontra Valletta fit-23 ġurnata tal-Malta Premier.

Fl-ewwel partita minn din il-match day, f’Tony Bezzina Stadium, qabel il-partita bejn Żabbar St Patrick u Valletta, Gilbert Agius kien ippreżentant b’bukkett tal-fjuri mill-President ta’ Valletta, Claudio Grech. Dan kien ġest ta’ apprezzament minn Valletta għall-karriera mill-isbaħ li Agius kellu bħala plejer u kowċ ta’ Valletta.

Bħala eks captain ta’ Valletta, Agius rebaħ xejn anqas minn seba’ kampjonati u sitt darbiet l-FA Trophy. Agius rebaħ ukoll l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA għal tliet darbiet bħala plejer ta’ Valletta u f’staġun ieħor rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa skorer.

Bħala kowċ, Agius kien mexxa lil Valletta għal dak li sal-lum hu l-aħħar Kampjonat li rebħu, fit-tmiem tal-istaġun 2018/19.

Agius, li hu Belti, bħala kowċ kien ħalla lil Valletta biex sar kowċ nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena u wara kien għamel sentejn u nofs bħala kowċ ta’ PSIS fl-ogħla diviżjoni tal-futbol fl-Indoneżja.

Wara li f’April tas-sena l-oħra hu temm l-esperjenza tiegħu bħala kowċ fix-Xlokk tal-Asja, Agius irritorna Malta, bl-ewwel impjieg bħala kowċ kien ma’ Żabbar St Patrick wara li minn nhar it-Tnejn, 9 ta’ Frar li għadda, hu inħatar bħala l-kowċ suċċessur ta’ Aniello Parisi.

Il-ġest ta’ Valletta, li taw bukkett tal-fjuri lil Agius qabel il-partita, kien reċiprokrat lura mill-eks leġġenda Beltija, billi mar issellem lill-partitarji Beltin u tefalhom il-bukkett bħala rispett lejn l-istess partitarji li tant ferħu u ċċelebraw fiż-żmien li hu kien jilgħab bin-numru 7 tal-klabb.