“Kif jista’ l-Gvern jgħid li qed jippromwovi l-mobbiltà soċjali meta qed tkompli tikber id-diskrepanza fid-dħul u l-ġid tal-individwi”
Kien dan is-sentiment espress fl-editorjal tal-gazzetta Times of Malta hekk kif fil-kitba tiegħu, l-editur irrimarka fuq il-problema tal-prezzijiet għoljin tal-proprjetà ….u l-affordabilità sabiex wieħed jikseb il-post fejn jgħix.
L-editur beda billi semma’ kif il-prezzijiet tal-proprjetà komplew jisplodu ‘l fuq, b’mod speċjali minn wara l-2021. U kif min naħa l-oħra tul dawn l-aħħar snin il-pagi u dħul finanzjarju żgur li ma għolewx bl-istess rata. Tant li l-editorjal stqarr li żgħażagħ li jiġu sabiex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom qed isibuha dejjem aktar diffiċli – mhux biss biex iħalsu l-loan, iżda saħansitra lanqas biss jingħataw self; speċjalment persuna single b’paga medja.
L-editorjal qal li din iż-żieda eżorbitanti fil-prezz tal-proprjetà waslet minħabba mudell ekonomiku bbażat fuq in-numri, u eluf kbar ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Ir-realtà hi, li iż-żgħażagħ Maltin qed isibu problema – speċjalment dawk li għandhom paga medja. Bl-editur jispjega kif koppja żagħżugħa bil-minimum wage, taffordja biss 2.2 fil-mija tal-propjetajiet fuq is-suq preżenti – liema proprjetajiet qed jinbnew iċken minn dak li konna mdorrijin bih.
Apparti min hekk l-editur semma’ kif l-International Monetory Fund, wkoll wissa’ dwar il-mudell ekonomiku preżenti li, fi kliem l-IMF stess, mhux sostenibbli għal ġenerazzjonijiet futuri.
L-editorjal għalaq billi staqsa kif jista’ l-Gvern jiftaħar li qed jipprijoritizza l-mobbiltà soċjali meta d-diskrepanza fil-ġid qed tkompli tikber – b’ċittadini Maltin li lanqas biss jaffordjaw jkollhom l-ewwel propjetà tagħhom. U kif il-Gvern tal-Labour ma nvesta xejn fejn jidħol pjan fit-tul għall-benesseri tal-soċjetá.
//= $special ?>
