Lokali

Gvern Laburista jiddiskrimina anke fil-volontarjat – PN

L-ebda ftehim bil-miktub għall-impjieg ta’ ħaddiema taċ-Ċivil ma’ NGOs ta’ Michelle Muscat li rċivew trattament preferenzjali

Il-Gvern ta’ Robert Abela issa qed jiddiskrimina anke mal-organizzazzjonijiet volontarji f’pajjiżna. Hu evidenti li għal dan il-Gvern, xi NGOs huma ferm aktar importanti minn oħrajn.

Ħafna organizzazzjonijiet mhux governattivi jagħmlu xogħol imprezzabbli għall-ġid tas-soċjetà f’oqsma differenti. Imma jidher li wħud minnhom huma pprivileġġjati.

Il-Kummissarju tal-Istandards għadu kif sab li nkisru r-regoli dwar l-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi meta żewġ NGOs preseduti minn mart l-Eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat, Michelle Muscat, f’punt minnhom kellhom seconded magħhom ħames impjegati miċ-Ċivil imħallsa mit-taxxi tal-poplu. Tnejn minnhom jidher li kellhom l-inkarigu li jibdew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom mid-dar tal-Eks Prim Ministru u kienu jwasslu lil ulied Michelle Muscat l-iskola.

Dan kollu seħħ filwaqt li għaqdiet oħra ta’ kuljum iridu jaraw kif se jiddubbaw minn hawn u minn hemm biex joffru s-servizzi tagħhom lin-nies.

Skont ir-regoli tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, NGO jista’ jkollha seconded magħha mhux aktar minn impjegat wieħed. Imma għal xi raġuni, fil-każ ta’ Michelle Muscat, l-NGOs tagħha ngħataw trattament preferenzjali u saru l-eċċezzjonijiet.

Il-Kummissarju, fost l-oħrajn, sab ukoll li ma kienx hemm kuntratti bil-miktub għall-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema mal-NGOs ta’ Michelle Muscat.

Dan Gvern li jiddiskrimina anke fost l-NGOs. Issa dan ikkonfermah il-Kummissarju għall-Istandards innifsu li qal li kien hemm diskriminazzjoni għax l-NGOs ta’ Michelle Muscat ingħataw affarijiet li NGOs oħra ma jingħatawx skont ir-regoli.