L-eks kandidata għall-Presidenza Amerikana u mart l-eks President Bill Clinton, Hillary Clinton akkużat lill-Gvern Amerikan li qiegħed jippubblika l-Epstein Files bil-mod għax qed jipprova jaħbi xi affarijiet.
Il-President Trump wieġeb li m’għandu xejn x’jaħbi.
Mal-ippubblikar tal-Epstein Files f’Diċembru u Jannar li għaddew l-ismijiet ta’ Hillary u Bill Clinton it-tnejn ġew imsemmija f’ċertu dokumenti. Il-President Trump, min-naħa tiegħu, ġie msemmi iżjed minn 38,000 darba fl-Epstein Files, u Jeffrey Epstein kien darba sostna li hu l-eqreb ħabib ta’ Donald Trump.
Il-koppja Clinton ġew mitluba jixhdu fil-Kungress Amerikan biex jiġu mistoqsija dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Epstein. Hillary hija mistennija li tixhed fis-26 ta’ Frar u Bill huwa mistenni li jixhed fis-27 ta’ Frar.
Skont l-informazzjoni li ħareġ mill-Epstein Files, l-eks President Bill Clinton tar fil-ġett privat ta’ Epstein mill-inqas sittax -il darba bejn l-2002 u l-2003 – wara t-termini tiegħu fil-Presidenza. Fil-files kien hemm ukoll lista ta’ akkużi ta’ abbuż sesswali fil-konfront ta’ kemm l-eks President Bill Clinton u l-President Donald Trump. Iż-żewġ presidenti ċaħdu l-akkużi.
Skont kelliem għal Bill Clinton, Bill qata’ r-rabtiet ma’ Epstein qabel ma Epstein kien mixli bil-ħlas għall-prostituzzjoni fl-2006, u li Bill ma kienx jaf bir-reati ta’ Epstein.
Intant, fl-2013 l-imsieħba t’Epstein, Ghislaine Maxwell, attendiet il-konferenza tal-Clinton Global Initiative – li hija NGO tal-koppja Clinton – f’isem l-NGO ta’ Maxwell TerraMar Project. Meta ġiet mistoqsijha dwar l-attendenza ta’ Maxwell, Hillary wieġbet li eluf ta’ persuni jattendu l-konferenzi tal-NGO tagħha.
Hillary Clinton stqarret li kull min hu msemmi fl-Epstein Files għandu jixhed, inkluż hi u Bill Clinton għalkemm sostniet li filwaqt li xhieda oħrajn kienu biss mitluba li jixhdu bi stqarrija bil-miktub il-koppja Clinton ġew mitluba jixhdu fil-Kungress biex “jiddevjaw l-attenzjoni mill-President Trump”.
Hillary Clinton takkuża lill-Gvern ta’ Trump li qiegħed jaħbi xi affarijiet mill-Epstein Files


