Lokali

Il-Gvern ittradixxa lid-dilettanti tal-motorsport – PN

Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Drag Racing Association jilmenta pubblikament dwar kif il-Labour daħak bihom fuq it-Trakka tal-Kwart ta’ Mil, li suppost kellha tkun lesta f’Novembru imma lanqas nofs il-proġett għadu ma tlesta


Il-verità hi ċara għal kulħadd.

Il-wegħdi tal-Labour lid-dilettanti tal-karozzi u l-muturi baqgħu fuq il-karta u r-riżultati huma ferm ’il bogħod minn dak li kien imwiegħed. Għalkemm it-Trakka tal-Kwart ta’ Mil kellha tkun lesta f’Novembru tal-2025, sa tliet xhur wara li suppost kellha tkun lesta, lanqas nofs ix-xogħol fuqha għadu mhu lest.

Tul dan iż-żmien smajna ħafna kliem u ħafna wegħdi. Iżda r-riżultati jitkellmu waħidhom, ghax baqa’ ma sar xejn.

Sostnew dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat, David Agius u l-President tat-Tim Sport tal-Partit Nazzjonalista,Andrè Muscat fejn qalu li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-impenn tiegħu lejn l-iżvilupp tal-motorsport f’pajjiżna u lejn dawk kollha li b’dedikazzjoni u b’mod volontarju bnew dan is-settur tul is-snin. Aħna nemmnu fi ppjanar serju, trasparenza u rispett lejn l-għaqdiet u l-atleti.

Ma nistgħux naċċettaw li l-motorsport Malti jiġi imċaħħad mill-opportunitajiet tiegħu minħabba nuqqas ta’ viżjoni u tmexxija ħażina tal-Gvern Laburista.

Dan issa gie kkonfermat ukoll b’mod pubbliku minn Clint D’Amato, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Drag Racing Assocation ta’ Ħal Far li f’post fuq Facebook tella’ messaġġ li kien kiteb preċiżament sena ilu u qal li sal-lum, sena wara, forsi sar 40% tax-xogħol fuq dan il-proġett.

Waqt li tkellem dwar il-gideb u l-wegħdiet kollha li sarulhom, D’Amato kompla jikkumenta “Paroli kemm trid, sustanza zero!”

Is-Segretarju Generali tal-Malta Drag Racing Association kompla jgħid li min kellu jara li d-dilettanti tad-Drag Racing ma jispiccawx f’din s-sitwazzjoni tefagħhom fin-nar, waqt li oħrajn li għamlu ħafna wegħdiet issa sparixxew. D’Amato sostna li l-motorsport Malti gie ttradut.

Il-PN jemmen li l-komunità sportiva u l-isport Malti jistħoqqilhom aħjar. Jistħoqqilhom proġetti mwettqa b’serjetà u mhux wegħdi li jdumu snin biex, forsi, xi darba jitwettqu u jsiru realtà.

Fi tlettax-il sena l-Gvern Laburista lanqas trakka ta’ kwart ta’ mil għadu ma rnexxielu jlesti – aħseb u ara d-dilettanti kif jistgħu jemmnuh li se jżomm il-wegħda tiegħu li jlesti t-trakka l-kbira tal-karozzi li tiswa €78 miljun. Proġett li minkejja li elezzjoni wara l-oħra jibqa’ jiġi mwiegħed, sa issa wkoll għadu fuq l-ixkaffa.