Lokali Qorti

Il-Qorti ssib ksur tad-dritt għall-proprjetà u tordna lill-Avukat tal-Istat iħallas kumpens ta’ €57,000

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Rachel Montebello sabet li d-dispożizzjonijiet tal-Kap. 69 tal-Liġijiet ta’ Malta, kif applikati għall-fond numru 12 “John” fi Triq Dun Rajmond Ellul, il-Qrendi, wasslu għal ksur tad-dritt fundamentali ta’ Modesta Farrugia u Caterina sive Catherine Ciappara għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà tagħhom. Għaldaqstant l-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas kumpens totali ta’ €57,080.

Għaldaqstant il-Qorti laqgħet it-talbiet tagħhom u likwidat kumpens għad-danni pekunjarji fis-somma ta’ €56,280 u għad-danni non-pekunjarji fis-somma ta’ €800. B’hekk, ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas lir-rikorrenti total ta’ €57,080, bl-imgħax mill-għoti tas-sentenza sal-ħlas effettiv.

Il-kawża kienet tikkonċerna kirja protetta li ilha tiġġedded ope legis għal snin twal favur l-inkwilina Marlene Mellol, b’kera li għal żmien twil baqgħet ferm taħt il-valur lokatizzju tas-suq. Ir-rikorrenti sostnew li l-operat tal-liġi kien qed jimponi fuqhom piż sproporzjonat u li l-kumpens li kienu qed jirċievu ma kienx jirrifletti bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet tagħhom bħala sidien.

Il-Qorti eżaminat fid-dettall il-provenjenza tat-titolu tal-proprjetà u sabet li r-rikorrenti ppruvaw sodisfaċentement li huma s-sidien leġittimi tal-fond. Hija ċaħdet ukoll l-eċċezzjonijiet preliminari mqajma kemm mill-Avukat tal-Istat kif ukoll mill-intimati, fosthom dwar in-nuqqas ta’ prova tat-titolu u dwar l-allegata nuqqas ta’ eżawriment ta’ rimedji ordinarji.

Fuq il-mertu, il-Qorti osservat li għalkemm il-liġi ma tikkostitwixxix teħid formali tal-proprjetà, hija tammonta għal kontroll tal-użu li jillimita b’mod sostanzjali d-dritt tas-sid li jgawdi u jiddisponi mill-proprjetà tiegħu. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-Istat għandu marġni ta’ apprezzament biex jintervjeni għal skop soċjali, il-Qorti qieset li fil-każ konkret il-kera imposta għal snin twal kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-valur tas-suq u għalhekk naqset milli żżomm “fair balance” kif mitlub mill-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea.

Madankollu, il-Qorti nnotat li bl-introduzzjoni tal-Att XXIV tal-2021 inħoloq mekkaniżmu ġdid li jippermetti reviżjoni tal-kera abbażi ta’ persentaġġ tal-valur tas-suq, u li r-rikorrenti fil-fatt kienu diġà kisbu sentenza mill-Bord li Jirregola l-Kera fl-2023 li stabbiliet kera ogħla b’effett prospettiv. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-leżjoni kienet tirrigwarda prinċipalment il-perjodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-emendi.

Il-Qorti għalhekk iddikjarat li seħħ ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għat-tgawdija tal-proprjetà, iżda ma laqgħetx it-talba biex l-inkwilina ma tibqax tistrieħ fuq il-protezzjoni tal-liġi. Ir-rimedju ġie limitat għall-għoti ta’ kumpens pekunjarju u non-pekunjarju dovut mill-Avukat tal-Istat għad-danni mġarrba, bl-ispejjeż kif deċiżi fis-sentenza.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti lliberat lil Samira Mellol u Fatima Mellol mill-osservanza tal-ġudizzju. Il-Qorti laqgħet in parti l-ewwel talba fir-rikors, limitatament għall-operat tal-Kapitolu 69 qabel daħal fis-seħħ l-Att XXIV tal-2021 u biss safejn dan kien jikkonċerna l-kirja tal-imsemmi fond fil-Qrendi.

Barra minn hekk, iddikjarat li sa meta ġie promulgat l-Att XXIV tal-2021, l-Ordinanza kienet tikser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kif protetti taħt l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iżda mhux taħt l-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Fir-rigward tal-ispejjeż, il-Qorti ddeċidiet li dawn, inklużi dawk tal-intimata Marlene Mellol, jitħallsu kollha mill-Avukat tal-Istat, filwaqt li r-rikorrenti għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-intimati Fatima Mellol u Samira Mellol.