Lokali Qorti

Illiberat minn akkużi ta’ serq minn skola f’Raħal Ġdid

Il-Qorti illiberat lil Wayne Delia, ta’ 40 sena, wara li l-pulizija kienu xlewh li disa’ snin ilu seraq eluf ta’ ewro f’apparat elettroniku mill-Iskola Primarja Guże D’Amato, f’Raħal Ġdid.

Il-każ imur lura għal-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Novembru 2017, meta l-akkużat allegatament wettaq serq aggravat milll-Kulleġġ San Ġorġ Preca Primary A.

L-oġġetti rrappurtati bħala misruqa kienu jinkludu televiżjoni HPL8, interactive whiteboard, monitor HP u apparat ieħor b’valur li jaqbeż l-elfejn ewro. Delia kien akkużat ukoll bi ksur ta’ tliet sentenzi ta’ probation, bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li rrenda ruħu reċediv.

Mill-investigazzjoni rriżulta li min allegatament wettaq is-serqa kellu jaqbeż grada għolja u jidħol fl-iskola minn tieqa ta’ klassi. Skont ix-xhieda tal-purtinar, il-klassijiet kienu msakkra l-lejl ta’ qabel, iżda l-għada filgħodu nstab li tieqa kienet inqalgħet u spiċċat mal-art fil-ħamrija tal-ġnien. L-apparat inħareġ mill-istess tieqa, tant li nstabet marka tal-istess kulur tat-televiżjoni maċ-ċint tal-iskola.

Għalkemm l-allarm kien attivat mis-6.30pm, ma deherx li nstema’ matul il-lejl. Is-serqa ġiet skoperta aktar tard filgħodu meta beda t-tindif tal-klassijiet.

L-unika prova li kienet torbot lil Delia max-xena kienet marka tal-pala tal-id il-leminija misjuba fuq il-frame tat-tieqa. Madankollu, il-Qorti nnutat li din instabet biss fuq in-naħa ta’ barra tat-tieqa. Id-difiża argumentat li peress li l-iskola hija post pubbliku u l-marka kienet fuq barra, din ma kinitx prova biżżejjed biex twassal għal kundanna.

Il-Qorti osservat ukoll li ma nġabrux filmati mis-sistema tas-CCTV tal-iskola jew tal-inħawi. Barra minn hekk, torċa ħamra li nstabet minn LSE fl-iskola ma ġietx analizzata forensikament mill-pulizija. Lanqas ma saret analiżi fuq il-grada jew il-ħajt biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm sinjali li jikkonfermaw il-verżjoni tal-prosekuzzjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li l-unika rabta diretta tal-akkużat max-xena tar-reat kienet il-marka tal-pala tal-id fuq in-naħa ta’ barra tat-tieqa, iżda din ma kinitx biżżejjed biex tipprova l-ħtija tiegħu lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Għaldaqstant, Delia ġie illiberat minn kull akkuża.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri u Hubert Cini, filwaqt li Delia kien assistit mill-Avukat George Anton Buttigieg.