Lokali Qorti

Is-sentenza fil-ġuri dwar pusses aggravat u assoċjazzjoni ta’ cannabis għal bħal lum ġimgħa

Il-Qorti ddeċidiet li s-sentenza fil-ġuri fil-każ kontra Austin Mallia, li t-Tnejn instab ħati 7-2 ta’ traffikar ta’ droga u pussess aggravat ta’ kannabis, se tingħata nhar it-Tlieta, 24 ta’ Frar wara li t-Tlieta filgħodu kellha tisma’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet dwar il-piena.

Il-proċeduri qed jinstemgħu quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera u matul is-seduta, il-prosekuzzjoni ppreżentat kopja ta’ post fuq Facebook ippubblikat minn oħt l-akkużat. Fil-messaġġ tagħha, hija esprimiet id-diżappunt tagħha bis-sistema ġudizzjarja Maltija u sostniet li minflok ġustizzja rat “manipulazzjoni u korruzzjoni” min-naħa tal-prosekuzzjoni.

Hija allegat li l-ġurati setgħu ġew influwenzati minn informazzjoni falza u qalet li kif temmen li ħuha ġie mqarraq, hekk ukoll setgħu ġew imqarrqa l-ġurati. Fl-istess post appellat lill-pubbliku biex jiftakar li ħuha huwa persuna b’familja li qed tbati, u wissiet kontra kummenti ħorox jew ġudizzji mgħaġġla mingħajr ma tkun magħrufa l-istorja kollha.

Il-prosekuzzjoni sostniet li tali dikjarazzjonijiet u l-lingwaġġ użat huma inadegwati u jnaqqsu mir-rispett lejn il-Qorti u l-proċess ġudizzjarju. Min-naħa tagħha, id-difiża argumentat li hija wkoll kienet fil-mira ta’ kritika personali u ħabbret li qabel ma tingħata s-sentenza se ssejjaħ diversi xhieda tal-karattru, fosthom il-mara ta’ Mallia u min iħaddmu.

Għalhekk fid-dawl tal-iżviluppi s-sentenza ġiet differita għat-Tlieta li ġej fid-9am. Wara sitt sigħat u nofs ta’ deliberazzjoni, it-Tnejn filgħaxija ġurija sabet lil Austin Mallia, ta’ 40 sena minn Santa Venera ħati ta’ assoċjazzjoni fit-traffikar tad-droga u pussess aggravat ta’ cannabis, b’verdett ta’ 7–2 fuq iż-żewġ akkużi, u b’hekk intemm proċess b’ġurija li dam kważi ġimagħtejn.

Skont il-prosekuzzjoni, il-pjan kien li Mallia jiltaqa’ ma’ żewġt irġiel oħra – Michele Artale u Sandro Lo Presti – biex jittrasportaw kannabis moħbija ġewwa apparat domestiku, li kienu “white goods” – li kien jinsab fil-maħżen ta’ Fahrenheit Logistic, f’Ta’ Qali.

Il-pulizija segwiet lil Mallia sa Ta’ Qali, fejn daħal f’bitħa ta’ freight forwarder u ħareġ ftit wara b’kaxxa fil-vann tiegħu. Aktar tard saq lejn il-Ħamrun, fejn ftit qabel kien deher Artale. Ftit wara, Lo Presti wasal b’Kia Picanto b’żewġ kaxxi simili.

Il-pulizija intervjeniet waqt li kienu qed jinżlu l-pakketti u wettqet tfittxija fl-appartament fil-Ħamrun. Instab li ġewwa l-apparat domestiku kien hemm kannabis. Espert maħtur mill-Qorti kkonkluda li nstabu madwar 53 kilogramma kannabis b’purità ta’ madwar 11 fil-mija.

Fix-xhieda tiegħu, Mallia sostna li kien jemmen li kien qed jittrasporta apparat domestiku għal Artale biex jitwassal lil Lo Presti. Qal li kieku kien jaf x’kien hemm fil-kaxxi, kien iwaħħalhom fuq karozza oħra flok juża l-vann tiegħu.

Fil-kliem tal-għeluq, il-prosekutur Godwin Cini kkontesta l-verżjoni tal-imputat billi rrefera b’mod estensiv għad-data tal-mowbajl u filmati tas-CCTV esebiti fil-każ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Kevin Pulis u mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Danika Vella u Kevin Valletta. Mallia qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Joe Giglio u Mattea Giglio.