Wara t-taħditiet ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Iran fl-Oman fis-6 ta’ Frar, iż-żewġ naħat kienu qablu biex jerġgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu bil-għan li jipprovaw isolvu t-tilwima tagħhom dwar il-programm nukleari tal-Iran.
Illum beda rawnd ġdid ta’ diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fil-belt ta’ Ginevra.
It-taħditiet ma jinkludux il-mexxeja taż-żewġ pajjiżi, iżda huma mmexxijin minn uffiċjali għoljin fil-qasam tad-difiża ta’ pajjiżhom.
It-taħditiet se jkunu medjati mill-Oman u ser jiġi diskuss il-programm nukleari tal-Iran u l-possibbiltà li jitneħħew is-sanzjonijiet Amerikani fil-konfront tal-Iran.
Bastimenti tal-gwerra Amerikani jinsabu f’baħar internazzjonali qrib l-Iran filwaqt li l-Iran irrispondiet nhar it-Tnejn billi nediet eżerċizzju militari fl-Istrett ta’ Hormuz. L-akbar bastiment tal-gwerra fid-dinja – il-USS Gerald R. Ford – huwa fi triqtu biex jingħaqad mal-kumplament tal-flotta Amerikana viċin l-Iran.
Wieħed m’għandux jinsa li tlett ijiem qabel l-ewwel rawnd ta’ diskussjonijiet fil-bidu ta’ Frar il-forzi Amerikani waqqgħu drone Iranjan minħabba li avviċina bastiment Amerikan, u li l-Iran irrispondiet billi tibgħat żewġ bastimenti biex javviċinaw bastiment Amerikan ieħor u biex jheddu li jitilgħu abbord u li jaħtfuħ.
It-tieni rawnd ta’ taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran bdew fl-Iżvizzera


