“Kumpaniji tal-istess sezzjoni tagħna li tawna l-appoġġ…wara l-ħsara li seħħet…inħarsu ‘l quddiem ħa nkomplu naħdmu”
F’post fuq il-midja soċjali, l-Kumpanijja tal-Karnival Toto Perżuta rringrazzjat lil dawk kollha li kienu ta’ sosten u għajuna għalihom wara inċident sfortunat ta’ ħsarat fid-dawl li sfortunatament ġie kkawżat fis-serata tal-bieraħ.
B’kumpanijji oħra fl-istess sezzjoni jkunu pronti u joffru l-assistenza u l-għajuna tagħhom fil-jum tat-Tnejn – wara li l-Ħadd tħassret l-isfilata tal-karrijiet minħabba l-maltemp li għamel tul il-jum.
Il-Kumpanijja saħqet li f’dawn il-mumenti toħroġ biċ-ċar is-soledarjetà bejn id-delettanti tal-Karnival u kif dawn ċ-ċirkostanzi jesebixxu l-valuri tal-komunità li huma jagħmlu parti minnha. Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar huma kollha jikkontribwixxu għal din l-esebizzjoni ta’ arti Maltija f’festa ta’ kuluri, daqq u żfin.
Intant huma għalqu billi saħqu li ser iħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma u sabiex jkomplu għaddejjin anke propju fl-aħħar jum tal-Karnival Malti.
Eventwalemt kollox jilħaq il-qofol tiegħu propju llejla fil-Furjana – bil-Gran Defile, li jwassal għat-tmiem tal-Karnival.



