L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton, akkużat lill-Gvern tal-Istati Uniti dwar ‘cover-up metikoluż u speċifiku’ fil-mod kif qed imexxi d-deklassifikazzjoni tal-Epstein Files…Id-dokumenti tal-biljunarju-pedofelu, Jeffrey Epstein, li xeħtu lill-uħud mill-aktar persuni importanti fl-Istati Uniti u ‘il hinn minnha taħt lenti mill-aktar kompromettenti.
Numru kbir ta’ personalitajiet distinti minn kull qasam, flimkien ma’ diversi politiċi – uħud minnhom qed iservu fil-Kabinett tal-President Amerikan Donald Trump – huma msemmija fil-files li jindikaw snin ta’ abbuż tat-tfal u persuni minorenni. Intant, għalissa ma ħarġet l-ebda provi ċari li dawn il-persuni influwenti kienu direttament involuti u responsabbli mill-abbuż.
Fl-aħħar sigħat, Hillary Clinton, waqt kummenti lill-BBC, ħeġġet biex id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan jiżvela l-kontenut tal-files kollha u ma jkomplix jitnikker biex jipproteġi l-identitajiet ta’ xi persuni magħżulin.
It-tweġiba mill-White House, intant, kienet li l-Gvern immexxi mir-Repubblikani ħareġ diġà il-miljuni tal-files u fejn impenja ruħu favur il-vittmi ‘aktar milli qatt għamlu d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni’.
Għalissa għad fadal il-miljuni tal-files klassifikati, bil-Gvern Amerikan jisħaq li dawn qed ikunu miżmuma minħabba l-eżistenza ta’ files mediċi personali; id-deskrizzjonijiet grafiċi tal-abbuż tat-tfal u materjal ieħor li kapaċi jostakolaw l-investigazzjonijiet.
Hillary Clinton tkellmet anki dwar l-eks-Prinċep Andrew tal-Ingilterra li llum tneħħewlu t-titli u li magħruf biss bħala Andrew Mountbatten-Windsor. Isem Andrew, ħabib kbir ta’ Epstein, jidher ħafna fil-files u Hillary Clinton esprimiet it-twemmin tagħha li l-eks-Prinċep, jekk jiġi jitlub, għandu jitla’ jixhed quddiem kumitat tal-Kungress Amerikan.
Jibqa’ il-fatt, intant, li l-preżenza tal-ismijiet fil-files mgħandhiex titqies bħala kundanna għall-individwu inwistjoni.
Hillary Clinton u żewġha, l-eks-President Amerikan, Bill Clinton, se jidhru quddiem l-imsemmi kumitat lejn l-aħħar tax-xahar biex jindirizzaw il-fatt li isimhom jidher ukoll fl-Epstein Files. Din se tkun l-ewwel darba li eks-President tal-Istati Uniti se jkollu jitla’ jixhed quddiem panel tal-Kungress mindu Gerald Ford kien messu l-istess destin fl-1983.
Fl-istess ħin, il-koppja Clinton qed jinsistu li ma għandhom xejn x’jaħbu waqt li qed jitolbu biex id-depożizzjoni tagħhom tkun waħda pubblika u mhux issir wara l-bibien magħluqa.
Hillary Clinton sostniet li trid li l-proċess ikun ġust u xieraq waqt li esprimiet l-approvazzjoni tagħha li ‘ċerti affarijiet jistgħu dalwaqt jaraw id-dawl tax-xemx’. Fl-istess ħin, Clinton enfasizzat li hi u żewġha qegħdin jintużaw mill-Gvern biex l-attenzjoni ma tibqax fuq Donald Trump u l-informazzjoni dwaru preżentata fil-files u li għalissa qed tinżamm moħbija.
//= $special ?>

