L-Oppożizzjoni fl-Ungerija qed twissi li l-Partit Fidesz fil-Gvern, li hu mmexxi mill-Prim Ministru awtoritajru, Viktor Orban, lest jieħu l-passi drastiċi biex ikompli fil-poter….Dan fost sinjali li l-Gvern Ungeriż attwali qed jinkwieta bil-kbir li kapaċi jitlef il-poter għall-ewwel darba mill-2010, ladarba l-poplu jivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament f’April li ġej.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Ungeriża, Péter Magyar , fl-istess ħin qed isejjaħ biex Orban u l-Gvern tiegħu jirrispettaw il-privatezza tan-nies….Dan wara li Magyar spiċċa mira għal rikatt u skema qarrieqa min-naħa tal-Gvern li, fil-preżent, qed jagħmel minn kollox biex jiddiskreditah.
Viktor Orban, politiku estremista tal-lemin u konservattiv, ilu jiggverna lill-Ungerija mill-2010 u fejn dejjem irnexxielu jikseb maġġoranza assoluta.
Madankollu, Orban, illum, jinsab ferm preokkupat bl-indikazzjonijiet mill-istħarriġ popolari…Indikazzjonijiet fejn il-Partit Tisza ta’ Magyar qed iżid sew il-vantaġġ fuq il-Partit Fidesz.
Péter Magyar, issa, qed jalludi għat-tattiċi tal-Gvern immexxi minn Orban waqt li żvela li xi membri tal-Amministrazzjoni f’Budapest ippruvaw jirrikattawh b’tape, allegatament kompromettenti, tiegħu u tal-eks-sieħba tiegħu…Tape li, allegatament, kien irrekordjat f’appartament fl-inħawi ta’Budapest u li l-kontenut tiegħu baqa’ ma ħariġx għall-konsum tal-pubbliku.
Intant, Magyar qed jirridikola lil Viktor Orban minħabba li tal-aħħar qed jirrifjuta li jissieħeb miegħu f’dibattitu elettorali wiċċ-imb-wiċċ.
Fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni mmexxija minn Magyar qed tipprova tappella lill-votanti żgħażagħ Ungeriżi biex jemmnu aktar f’Ewropa b’saħħitha u magħquda… Dan kuntrarju għall-politika ta’ Orban li hu l-aktar Mexxej Ewropew b’rabtiet tajbin mal-Kremlin u mal-President Russu Vladimir Putin.
Sadanittant, Péter Magyar qed jiċħad għan-narrativa tal-Gvern Ungeriż li qed jinsisti li l-Oppożizzjoni, f’każ ta’ rebħa elettorali, għandha tkaxkar lill-Ungerija fl-eqqel ta’ gwerra. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Ungeriża qed iwieġeb li filwaqt li l-partit tiegħu jikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armati ta’ Putin, Gvern immexxi minnu bl-ebda mod mhu sed jdaħħal pajjiżu f’xi konflitt militari.
Il-fatt li Viktor Orban jinsab fi stat ta’ paniku ma jistax ikun injorat f’dawn iċ-ċirkustanzi….Dan ukoll meta l-Prim Ministru Ungeriż qal ċar u tond li l-Unjoni Ewropea li tinkludi lill-Ungerija bħala membru, ‘qed timponi theddida akbar lil pajjiżu mir-Russja’. Orban, issa, mhux jitlef opportunità biex jakkuża lill-UE b’li qed taħdem bil-ħsieb li ttelliflu ċ-ċansijiet li jerġa’ ikun elett Prim Ministru ‘u fost is-sostenn bla limitu’ lill-avversarju Péter Magyar. Dan wara li Orban ilu jsostni li l-UE ‘dejjem ħadmet kontra l-Gvern immexxi minnu’.
//= $special ?>

