Il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Carmel Penza minn akkużi ta’ miżapproprjazzjoni relatati ma’ allegat nuqqas ta’ ħlas ta’ €588,527.87 f’VAT.
Penza, ta’ 71 sena, kien akkużat li bejn Marzu 2009 u s-snin ta’ qabel, kemm fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll bħala direttur tal-kumpanija Penza Tarmac Limited, approprja ruħu minn flus dovuti lid-Dipartiment tal-VAT. Huwa kien ukoll akkużat li sar reċediv fid-dawl ta’ sentenzi preċedenti.
Mill-provi mressqa mill-prosekuzzjoni, li tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini, xehdet rappreżentanta tal-VAT li ppreżentat il-VAT returns u kalkolu tal-bilanċ dovut ibbażat fuq dikjarazzjonijiet tal-kumpanija stess. Ġiet ippreżentata wkoll dokumentazzjoni mill-MFSA li turi li Penza kien direttur tal-kumpanija.
Madankollu, il-Qorti nnutat li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova elementi essenzjali tar-reat ta’ approprjazzjoni indebita. Ma kienx hemm prova li l-flus iddikjarati fir-returns kienu effettivament waslu fil-pussess personali tal-imputat jew tal-kumpanija, u lanqas li dawn ġew imdawra bi profitt għalih. Ma ġew ippreżentati l-ebda kontijiet tal-kumpanija, evidenza bankarja jew xhieda ta’ accountants li setgħu jikkorroboraw li l-flus kienu rċevuti u sussegwentement approprjati.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li ma ġiex ipprovat li l-firem fuq il-VAT returns kienu tal-imputat. Barra minn hekk, permezz ta’ digriet preċedenti, l-istqarrija tal-imputat kienet ġiet iddikjarata inammissibbli u sfilzata mill-atti.
Fir-raġunament tagħha, il-Qorti għamlet referenza għall-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Appell Kriminali, inkluża s-sentenza fl-ismijiet Il-Pulizija vs Patrick Spiteri, fejn ġie spjegat li r-reat ta’ approprjazzjoni indebita jiġi kkunsmat meta jkun hemm prova ċara ta’ inverżjoni tal-pussess u intenzjoni li l-oġġett jiġi miżmum animo domini.
Wara li eżaminat il-provi kollha, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli, kif meħtieġ fil-kamp kriminali. Għaldaqstant, sabet lil Carmel Penza mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha u illiberatu minn kull piena u ħtija.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-Avukat Ġenerali jingħata aċċess għal kopja skenjata tal-atti u tas-sentenza fi żmien sitt ijiem tax-xogħol.
//= $special ?>

