Sarah Bajada
Organizzatriċi tal-attività
‘Dawl fis-Skiet’
Kien proprju dan il-ħsieb wara l-attività ‘Dawl fis-Skiet’; inizjattiva sensittiva u sinifikanti organizzata minn Sarah Bajada, li ġiet imtella’ f’Diċembru li għadda fid-Dar Ċentrali.
Din l-attività offriet spazju sigur ta’ riflessjoni u qsim ta’ esperjenzi dwar is-solitudni u l-isfidi li ħafna jiffaċċjaw waqt dawn iż-żminijiet ta’ festi.
L-attività tfasslet madwar diskussjoni miftuħa u onestà, immoderata minn Andrew Azzopardi, li mexxa d-djalogu b’sensittività u b’attenzjoni kbira, filwaqt li ta leħen lil dawk li spiss jispiċċaw fis-skiet.
Sehem minn personalitajiet u professjonisti
Il-panel, magħmul minn personalitajiet u professjonisti li jaħdmu f’oqsma differenti li jmissu direttament jew indirettament mas-solitudni, ingħata spazju sigur biex jaqsam l-esperjenzi tiegħu u jqajjem kuxjenza dwar ir-realtajiet diffiċli li ħafna nies jgħaddu minnhom.
Id-diskussjoni enfasizzat ukoll l-irwol importanti li nistgħu naqdu, bħala ċittadini, biex inkunu aktar preżenti u nieħdu ħsieb lil ta’ madwarna.
Ħareġ biċ-ċar li s-solitudni tista’ tolqot lil kulħadd, mhux biss fi żmien il-festi imma wkoll matul is-sena kollha. Sfortunatament is-solitudni mhix realtà rari jew iżolata, iżda hija realtà mifruxa li tista’ taffettwa lil kull persuna, irrispettivament mill-età jew miċ-ċirkostanzi tagħha.
Qsim ta’ esperjenzi
Mill-qsim tal-esperjenzi u minn dak li kien diskuss, ħareġ messaġġ qawwi u ċar: ħadd m’għandu jħossu waħdu, speċjalment f’dawk iż-żminijiet tal-festi, li suppost għandhom ikunu mumenti ta’ għaqda, solidarjetà u mħabba.
L-attività ‘Dawl fis-Skiet’ serviet bħala tfakkira important li l-empatija, is-smigħ u l-preżenza tagħna jistgħu jagħmlu differenza, kemm kbira kif ukoll żgħira, fil-ħajja ta’ ħaddieħor, Fl-istess waqt, l-attività għenet biex titqajjem aktar sensittività u għarfien dwar il-ħtieġa li nkunu aktar attenti u sensittivi għal dawk ta’ madwarna.
Matul l-attività nġabru wkoll donazzjonijiet bl-iskop li dawn jingħataw lil Caritas Malta li hi organizzazzjoni li għal snin twal ilha fuq quddiem nett biex tappoġġja u tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Caritas Malta toffri firxa kbira ta’ servizzi, fosthom appoġġ soċjali, għajnuna, servizzi ta’ terapija u riabilitazzjoni, programmi ta’ prevenzjoni, b’enfasi qawwija fuq id-dinjità tal-persuna u l-għajnuna fit-tul.
Żjara fiċ-Ċentru Terapewtiku San Blas
Waqt żara li għamilt fil-jiem li għaddew fiċ-Ċentru Terapektiku tal-Caritas Malta f’San Blas, iltqajt mat-Tmexxija u ma’ diriġenti ta’ Caritas Malta biex ngħaddilhom id-donazzjoni miġbura; donazzjoni sabiħa li bil-ġenerożità ta’ dawk li attendew din l-attività laħqet is-somma ta’ €1,000.
Matul din iż-żjara, kelli l-opportunità li nisma’ dwar xi esperjenzi ta’ dawk li jfittxu l-għajnuna, kif ukoll nitgħallem aktar dwar ix-xogħol siewi u d-dedikazzjoni li Caritas Malta toffri kuljum lil ħafna persuni fil-bżonn.
Tul din l-esperjenza kelli l-opportunità li nenfasizza aktar il-messaġġ ewlieni ta’ ‘Dawl fis-Skiet’: li l-kompassjoni ma tistax tibqa’ biss sentiment, iżda trid tinbidel f’azzjoni konkreta.
Nieqfu u nisimgħu b’attenzjoni
F’dinja li kultant timxi b’pass mgħaġġel wisq, hemm bżonn nieqfu, nisimgħu b’attenzjoni u nkunu verament preżenti għal xulxin.
Huwa important li niftakru li anke jekk ngħinu u nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuna waħda biss; dik id-differenza tkun pass pożittiv lejn soċjetà aktar solidali u ta’ kompassjoni.
Il-messaġġ li ħareġ minn din l-attività kien wieħed ta’ tama u impenn kollettiv… dak li nkunu ta’ appoġġ għal xulxin u dan mhux biss waqt iż-żminijiet tal-festi, imma matul is-sena kollha.
Għax kultant, dawl żgħir fis-skiet jista’ jkun biżżejjed biex idawwal triq sħiħa.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

