Opinjoni

Opinjoni: F’għeluq is-snin

Gianrico Carofiglio

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Il-bniedem tul triqtu ftit drabi jista’ jsib kejl jew aħjar jaqta’ fejn ser f’ħajtu jispiċċa. Jibda biss jaf, xejn iktar. Jimxi fil-passi tal-ħajja. Daqqa naħħa, daqqa oħra, ifittex li jkun għal u lejn, dak li jara ‘l quddiem. Mhux dejjem fil-ferħ li wieħed jixtieq forsi aħjar li jittama li jkollu imma fid-dmir li jkun dak li gie maħluq għalih. Kemm f’dan il-bniedem jistaqsi tant domandi lilu nnifsu u lill-ħajja stess sabiex jifhem aktar. Daqqa jaħseb li qabad tarf sew ta’ dak li għaddej minnu, u daqqa inqas, imma fil-paċi f’qalbu forsi jħossu li miexi lejn dak li jara li jwettaqlu l-gid. Proprju għalhekk il-qari fih valur għax jgħinek, tgħarbel anki meta kollox jidher komplikat. Daqshekk ieħor il-kitba li kull nhar ta’ Tlieta tmexxini, daqqa għalikom u daqqa aktar għalija imma f’din l-eżistenża personali nammetti li hija ta’ saħħa.

Romano Guardini (1885-1968)
Filosfu, teologu, saċerdot Ġermaniż u kittieb ta’ diversi kotba mill-isbaħ li qrajt. Fost dawn id-diversi fl-introduzzjoni tal-ktieb tiegħu “The Conversion of Augustine” (1960) jikteb b’tant sens hekk : “Books do not come into existence as their authors want them to, but rather as they want to.” (Il-kotba ma jigux fl-ezistenza kif l-awturi tagħħom iriduhom li jigu, imma iktar kif jiddeċiedu huma stess li jigu.) Naħseb f’dan daqshekk ieħor il-bniedem u daqshekk ieħor l-artikli li nikteb. Hemm paralleliżmi ta’ livelli varji. Min ħalaqna, min rabbiena, forsi xtaqna naqbdu triq u niżviluppaw il-kitba tal-ħajja tagħna mod u morna ieħor. Inkella aħna stess irridu triq u nsibu li minflok qbadna mingħajr ma ngħarfu oħra jew aħjar naħsbu li sejrin tajjeb u niskopru aktar tard forsi li mhuwiex proprju l-każ. Imma hekk hu għalija u għal kulħadd.

Gianrico Carofiglio (1961)
Forsi aktar determinanti u li fil-fatt ispirani jinsab f’dan fil-ktieb ta’ dan l-awtur, eks magistrat u eks politiku Taljan “Elogio dell’ignoranża e dell’errore” (2024). Ktieb li diġà mit-titolu wieħed isib li jrid jikkonfronta aktar lilu nnifsu. F’dak li huwa u f’dak li jixtieq għalih innnifsu bħala l-bniedem. Dak li fi ktieb mimli b’ideat mħux neċessarjament kollha li wieħed jaqbel magħhom imma tajba. L-awtur f’mument waqt li jfakkar f’dak li l-isportiv u atleta Dick Fosbury (1947-2023) irnexxilu jibdel kif jaqbeż u hekk rebaħ jgħid li huwa fil-fatt tagħna: “Una grande lezione sul cambiamento: quando hai un problema che non riesci a risolvere, prova a fare esattamente il contrario di come si e’ sempre fatto. Ignorando l’opinione degli altri, esperti inclusi.” ( Tagħna lezzjoni kbira fuq il-bidla: meta għandek problema li ma jirnexxilikx issolvi, ipprova għamel esatamment il-kontra ta’ dak li dejjem qabel għamilt. Warrab u tiħux l-opinjoni tal-oħrajn anki dawk li huma konsidrati l-esperti.) Ideat diretti għal min bħali jrid li sseħħ il-bidla t-tajba.

Vuċi qawwija
F’dan iktar wieħed iħares sabiex jifhem jekk huwiex il-fatt li l-bniedem irid jirrepeti dak li dejjem wettaq biex fil-fatt jibqa’ fejn hu. Hemm diversi li jixtiequ l-bidla imma jippreferu jibqgħu kif inhuma. Hemm iktar dawk li ma jridux jisimgħu kritika u oħrajn li jridu biss dawk li jibqgħu jxommu l-inċens li jingħatalhom. Iktar ma jgħaddi żmien aktar ngħaraf kemm ftit huma dawk li huma preparati sabiex ikun hemm tibdil. Draw ngħid kif inhuma u jidentifikaw irwieħhom f’dak li jibqgħu jirrepetu aktar mill-kapaċità tagħhom li jinbidlu. Pajjiżna qisu f’dan aktar immexxi. Aktar ma nisma’ l-kliem progress, riformi u “tteħid tad-deciżjonijiet” aktar nara li kollox ser jibqa’ l-istess. F’dan proprju għax qiegħed jigi traskurat element essenżali tal-ħajja.

David Petraeus (1952)
Hemm f’dan l-element mħux apprezzat imma neċessarju tal-kritika. Dak li għal uħud hija żejda jew negattiva però fil-verità hija importanti, essenżjali sabiex tmexxi ħajtek u pajjiżek. Vera li hemm min ma tantx tgħoġbu u kulma twettaq għalih ħażin, imma hemm ukoll oħrajn li jridu l-affarijiet ikunu aħjar u li jsiru proprju hekk u jitkelmu għax iridu l-ġid. Min huwa fil-poter drabi jippreferi biss dawk li jinċensawh imma tgħallimt nammira l-kontra. Carofiglio jgħidilna li Petraeus li kien kmandant militari Amerikan importanti meta kien iżgħar kien nominat assistent ta’ Ġeneral Jack Galvin (1929-2015). Hemm jingħad li ntqal hekk : “Costui, nel loro primo incontro, gli spiego’ che la parte piu’ importante del suo lavoro sarebbe stata criticare il suo capo. Petraeus protesto’, in chiaro imbarazzo, ma Galvin fu irremovibile; “Il mio compito e’ comandare la divisione, il tuo e’ critcare me.” (Dan fl-ewwel laqgħa li kellhom, spjegali li l-iktar parti importanti ta’ ħidmietu kienet li jikkritika l-kap tiegħu. Petraeus ipprotesta mbarażżat kif kien imma Galvin kien ċar u qallu “Ħdmieti li nikkmanda d-diviżjonijiet tiegħek li tikkritikani.”). Hemm l-awtur jgħid li dan l-messaġġ għaddielu t-tagħlima li mħux biżżejjed tittolera d-dissens imma ħafna iktar importanti li tesiġiha. Parir uniku għalina.

Wara sittin sena
Ideat interessanti għalija imma Carofiglio ma jafx li f’dan illum ngħalaq madwar sittin sena espost fil-politika f’pajjiżna. Dan min meta missieri gie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1966. Ninsab magħkom f’dan l-proċess twil ta’ għarfien u esperjenzi varji li servewni nifhem iktar dak li l-bnedmin iridu f’dawn l-gżejjer. Kemm aktar ċertament huwa importanti u ta’ valur li taħdem, tistinka fil-politika għall-oħrajn. Kemm ferm iktar li tisma’ l-kritika li tingħadlek minnhom u tassigura li tibgħat l-messaġġ ċar li int miftuħ għaliha. Missejt aktar magħha bi pjaċir is-Sibt li għadda f’tieġ fejn min ġie jkellimni fehmni fl-awtentiċità tiegħu kemm dan huwa minnu u kemm huwa neċessarju. Fakkarni f’dak li sar u dak li għad fadal x’isir. Għaraft iktar f’dan li sa issa wasalt fejn naħseb li naf. Però ngħaraf iktar li fejn ninsab li sejjer, bħal dejjem, huwa biss iż-żmien li għad jurini. Nafda f’dak li tissudawni fih u iktar insellem nista’ u nirringrazzja lil dawk li jifhmu dan kollu u jsostnu din il-linja politika li ħaddant u għadni nħaddan.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 17 ta’ Frar, 2026.