Opinjoni

Opinjoni: Ġustizzja Soċjali ­– Sejħa għall-azzjoni

Ir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin m’għandhomx jitqiesu bħala ċittadini tat-tieni jew tat-tielet klassi...
Illum ukoll jispikka l-messaġġ biex nibqgħu naħdmu għal Ġustizzja Soċjali, għax id-diskriminazzjoni għadha tfixkel u taqta’ l-qlub ta’ min baqa’ lura... Din il-ġimgħa b’mod speċjali rridu nperrċu l-Ħniena, inperrċu l-Imħabba, inperrċu l-Ġustizzja Soċjali.

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni
Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet
u l-Ġlieda Kontra l-Faqar

Tkompli l-Kampanja Ġustizzja Soċjali bil-għan li nibqgħu nibnu soċjetà fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza, tal-inklużjoni soċjali u fuq kollox tal-għaqda nazzjonali, biex ĦADD MA JIBQA’ LURA.
Illum b’diversi żjarat mid-Deputat Ivan Bartolo u t-tim tiegħu, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fl-Uffiċċju tal-Legal Aid u anki fil-Ministeru tas-Saħħa sabiex f’dan tal-aħħar jiġu preżentati rakkomandazzjonijiet u linji gwida għall-aċċess tat-trattament tal-kanċer ġdid, kif approvat mill-Aġenzija Ewropea għal Mediċini EMA u li għandha tiġu provduta mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa NHS, liċ-ċittadini li jkunu jeħtiġuha.
F’kelma waħda llum jitwassal il-messaġġ li l-Ġustizzja Soċjali mhix frażi li titpoġġa kif ġieb u laħaq għas-simpatija, jew biex nidhru puri. Ġustizzja Soċjali hija sejħa għall-azzjoni. Illum ukoll jispikka l-messaġġ biex ilkoll nibqgħu naħdmu għal Ġustizzja Soċjali, l-għaliex id-diskriminazzjoni għadha tfixkel u taqta’ l-qlub ta’ min baqa’ lura.

Vjaġġ b’impenn, kuraġġ u dedikazzjoni
Din il-ġimgħa hija bidu ta’ vjaġġ li jeħtieġ impenn, kuraġġ, dedikazzjoni u fuq kollox li nemmnu lkoll li ħidmietna tista’ ssir KELMA, billi nisfidaw l-inġustizzji, niddefendu l-ugwaljanza u nħaddnu d-diversità.
Kif intqal ilbieraħ fil-ftuħ ta’ din il-kampanja mid-Deputat Ivan Bartolo li “Jekk trid taħdem għall-Ġustizzja Soċjali, l-ewwel u qabel kollox trid fittex liż-żgħir… Ħallih jagħmillek unur, ħallih iqisek daqs ħuk. Huma biss jistgħu jgħallmuk timxi t-triq tal-Ġustizzja Soċjali.”
Id-Deputat Bartolo kompla jgħid li “Il-filantropi, aħna l-politiċi, il-kbarat, ir-reliġjużi, is-setgħana, jistgħu jkunu bnedmin tabilħaqq tajbin però x’aktarx mhux dejjem nistgħu nuruk xi tfisser ħidma għall-Ġustizzja Soċjali. Huma l-foqra, iż-żgħar, l-esklużi, l-imwarrba, il-minoritajiet, l-imjassra, l-iżvantaġġati, il-vulnerabbli, dawk bla vuċi, DAWN jistgħu jgħallmuk xi tfisser Ġustizzja Soċjali. Dawn li ġew injorati u mitfugħa f’ġenb. Dak li jaħseb li d-dinja mingħajru ma ddurx, ma jistax jifhem dan il-kunċett tal-Ġustizzja Soċjali, minnu ma tista’ tieħu xejn ħlief il-konservazzjoni u l-kontinwazzjoni tal-istrutturi inġusti. Sfortunatament l-iżvantaġġati se nsibuhom kullimkien. Se nsibuhom f’kull familja, f’kull komunità, fuq il-post tax-xogħol, f’kull istituzzjoni. Ir-rwol tagħna mhu xejn għajr li nippruvaw nagħtuhom widen; u nwassluhom biex iqisuna differenti minn dawk li magħhom baqgħu passivi.”

Iż-żjara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Iż-żjara tal-lum fil-Faċilità Korrettiva hija messaġġ ċar li dawn ir-residenti ma jitqisux bħala ċittadini tat-tieni jew tat-tielet klassi. Il-protagonisti tal-lum m’għandhomx ħbieb b’saħħithom fis-suq, m’għandhomx alleanzi. Ħbiebhom spiċċaw bħalhom ħażin, għax ladarba s-soċjetà ħarġet għalihom bix-xafra tal-moħriet, m’għandhomx triq oħra ħlief li jfittxu lil xulxin. U għalhekk jeħtieġ li neqirdu dan iċ-ċiklu, li jerġgħu immorru minn fejn bdew. Ħasra li 70% tal-ħabsin jerġgħu jispiċċaw lura l-ħabs, għax hemm biss iħossu li teżisti l-familja tagħhom. Hawn barra fis-soċjetà jiddeskrivu lilhom infushom bħala “ma jafux x’jaqbdu jagħmlu bihom infushom”. Dan huwa żball, u dan jittranġa biss bl-aċċettazzjoni u billi nagħtu ċans ieħor lil min żbalja.
Ma rridux ukoll ninsew lil vittmi tal-inġustizzji. Hija tama li naraw riżultati konkreti, jekk mhux immedjatament, għall-anqas fit-tul ta’ żmien. Il-mixja, twila jew qasira, dejjem tibda bl-ewwel pass. Is-sensittività lejn il-vittma jew lejn kull tip ta’ bniedem ieħor hija mera tal-JIEN, ta’ dak li tgħallimt naċċetta, jew li ma naċċettax. Ma rridux ninsew ukoll l-isforzi li għamlu ta’ qabilna. Imma issa jeħtieġ sforz ġdid. Ebda strateġija ma qatt ħadmet mingħajr qalb tajba, minn ħafna ħsieb minn qabel u fuq kollox ’il bogħod minn lingwaġġ kattiv. Iżda meta jkollok RIEDA POLITIKA, kollox hu possibbli.

Ħniena… imħabba… ġustizzja soċjali
Matul din il-ġimgħa qed issir ħidma biex jiġu preżentati Private Members Bill, rakkomandazzjonijiet u Legal Notices sabiex il-politika ssir kelma. Nittamaw li dawn ir-rapporti u studji ma jiżolqux minn idejn l-awtoritajiet. L-istudji li joħorġu minn żmien għal żmien juru ċar li l-piż fuq iċ-ċittadin iż-żgħir żdied u qed ikompli jiżdied.
Din hija l-ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali, ma jfissirx li m’għandniex nibqgħu nitkellmu matul is-sena kollha.
Imma din il-ġimgħa b’mod speċjali rridu nperrċu l-Ħniena, inperrċu l-Imħabba, inperrċu l-Ġustizzja Soċjali. Ilkoll kemm aħna għandna nibqgħu nsostnu dan il-kliem bil-għan li kulħadd jibda JITKELLEM bil-lingwa tagħna.
Illejla fit-tard, tingħaqad magħna mill-Italja Annalisa Minetti, personalità Taljana b’diżabbiltà magħrufa bħala kantanta, atleta paralimpika u attivista soċjali. Minetti hija ċ-ċentru tal-attenzjoni għada l-Erbgħa fit-tielet jum tal-kampanja Ġustizzja Soċjali.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar din il-kampanja Ġustizzja Soċjali għandu jċempel 99450877 jew 99680020. Matul din il-ġimgħa, In-Nazzjon se jżommna aġġornati dwar dak kollu li jkun għaddej.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 17 ta’ Frar, 2026.