Lokali

Rifjutati numru ta’ eċċezzjonijiet ta’ żewġ persuni akkużati b’omiċidju involontarju ta’ Miriam Pace

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet kważi t-talbiet kollha ta’ Ludwig Dimech ta’ 43 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ u Nicholas Spiteri ta’ 48 sena, residenti l-Imqabba biex numru ta’ persuni ma jixhdux fil-każ tagħhom jew l-istqarrijiet ta’ xi wħud jitneħħew mill-proċess. Dimech u Spiteri qed jistennew li jgħaddu ġuri fuq il-qtil involontarju ta’ Miriam Pace.

L-inċident kien seħħ fit-2 ta’ Marzu tas-sena 2020 kienet mietet fgata taħt it-terrapien wara li r-residenza tagħha kienet waqgħet għall-ħabta tas-2.20pm. ġewwa Triq Joseph Abela Scolaro, Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera, bl-irġiel qed jiġu akkużati b’omiċidju involontarju u cioe’ talli b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni, jew b’nuqqas ta’ ħila fl-arti jew professjoni tagħhom, jew b’nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti, ikkaġunaw il-mewt ta’ Maria Assunta Pace.

Dimech li l-kuntrattur li kien qed jieħu ħsieb il-proġett ta’ dar li kienet maġenb id-dar ta’ Miriam Pace, filwaqt li Spiteri kien qed jaħdem fuq is-sit tal-inċident. L-avveniment traġiku kien seħħ fil-Ħamrun, bil-komunità ta’ din il-lokalità u dik ta’ Santa Venera spiċċat ixxokkjata minn din it-traġedja.

Pace spiċċat fgata taħt ammont kbir ta’ terrapien fil-proprjetà tagħha stess waqt xogħol fuq ġnien li kien se jiġi żviluppat fi blokka ta’ appartamenti. Ir-residenza tagħha u l-garaxx ta’ taħtha, fejn żewġha – Carmel Pace kien jaħdem bħala dealer tal-karozzi, kienu ġew kompromessi b’mod sostanzjali, u sebgħa vetturi ġew prattikament meqruda.

Fil-kawża kriminali kontra Ludwig Dimech u Nicholas Spiteri, il-Qorti għamlet osservazzjoni dettaljata dwar ir-rwol tal-periti u l-limitazzjonijiet tal-provi preżentati mill-partijiet. Il-Qorti nnutat li l-Qorti Struttorja kienet identifikat lill-perit Joe Buġeja bħala “mhux espert tal-Qorti” u li l-rapporti mhumiex definitivi iżda jikkostitwixxu stima preliminari tal-ħsarat fuq il-proprjetà ta’ Carmel Pace u John Sammut.

L-akkużati kienu talbu l-isfilz mill-provi ta’ fost oħrajn taż-żewġ rapporti tal-Perit Daniel Portelli, eżebiti minnu stess u l-ewwel rapport tiegħu eżebit ukoll mis-Supretendent Robert Vella fl-ewwel udjenza u dan peress illi bħal fil-kaz tar-rapport tal-Perit Joe Bugeja, dan ir-rapport huwa nieqes minn kull dettall in kwantu għal kif il-Perit wasal għal għal konkluzzjonijiet hemm elenkati.

Huma qalu li r-rapport tal-Perit jikostitwixxi biss l-opinjoni tiegħu dwar il-ħsarat fil-garaxx u l-maisonette, liema mhux ammissibli bhala prova, u għalhekk għandu jkun hemm l-isfilz tiegħu, ġaladarba l-Perit Portelli ma kienx espert tal-Qorti imma tqabbad ex parte.

L-akkużati sostnew ukoll li dan il-każ ingħata wisq limelight fil-midja, u li l-attenzjoni pubblika estensiva tista’ twassal għal preġudizzju kontrihom, speċjalment fil-kuntest ta’ ġuri quddiem ġurija. L-argument tagħhom tipikament ikun ibbażat fuq il-prinċipju fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq (fair hearing) u għal ġuri imparzjali.

Meta każ jirċievi kopertura mill-media b’mod qaww, speċjalment jekk din tinkludi kummenti, opinjonijiet jew informazzjoni li ma tkunx għadha ġiet ivverifikata fil-qorti, l-akkużati jistgħu jsostnu li dan joħloq klima li tinfluwenza l-opinjoni pubblika u potenzjalment anke lill-ġurati.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-akkużat biex dawn ir-rapporti jiġu kontemplati b’mod predefinitiv, filwaqt li enfasizzat li l-ġurati għandhom jiġu mmexxija sew biex jifhmu l-provi u l-limitazzjonijiet tagħhom, u l-akkużat għandu d-dritt jagħmel mistoqsijiet permezz tal-kontro-eżami biex jassigura valutazzjoni ekwa tal-provi.

Fir-rigward tal-opinjonijiet espressi minn xhieda mhux maħtura bħala esperti mill-Qorti, il-Qorti saħqet li dawn m’għandhomx ikunu kkunsidrati ta’ opinjoni legali iżda biss osservazzjonijiet fuq fatti konstatati. Il-Qorti referiet għal diversi sentenzi, inkluż Ir-Repubblika ta’ Malta vs Yorgen Fenech u Ir-Repubblika ta’ Malta vs Erin Tanti, fejn ġie ribadit li xhieda ordinarja m’għandhiex tagħti opinjoni, u l-esperti maħtura mill-Qorti biss jistgħu jesprimu fehma teknika.

Skont il-prosekuzzjoni il-provi identifikaw lil Ludwig Dimech u Nicholas Spiteri bħala responsabbli għall-inċident. Il-proċess kkonkluda li Dimech, reċidiv f’delitti preċedenti, u Spiteri kellhom nuqqas ta’ ħsieb u negliġenza fil-mod kif użaw l-inġenji fuq is-sit, partikolarment l-użu ta’ musmar fuq il-gaffa tal-inġenji Hymac, li wassal għall-kroll tal-ħajt ta’ appoġġ tal-residenza Pace.

Minkejja struzzjonijiet u obbligi legali dwar sigurtà u kontroll tal-ħaddiema, Dimech ma waqqafx Spiteri milli juża l-inġenji b’mod perikoluż. Ingħad ukoll li l-azzjonijiet tal-akkużati ikkawżaw ħsara estensiva fuq proprjetajiet oħra, inkluż dawk ta’ David u Rosaria Zerafa, John, Grace u Joseph Sammut, kif ukoll il-kumpanija Edu Centre Limited. L-esperti tal-inkjesta kkonfermaw li l-mewt ta’ Maria Assunta Pace kienet kawża ta’ asphyxia minħabba l-inċident.

L-avukat Ġenerali qed jitlob biex Dimech jiġi kkundannat għal priġunerija mhux iżjed minn ħames snin u multa ta’ madwar 11,646.87 ewro, filwaqt li Spiteri għal priġunerija mhux iżjed minn erba’ snin u l-istess multa, flimkien mal-konfiska tal-istrumenti u apparat li serva biex sar id-delitt. Il-każ juri l-perikli tas-sigurtà fuq is-siti ta’ kostruzzjoni u l-konsegwenzi drammatiċi tan-negliggenza fil-professjoni.

L-akkużati qablu l-preżenza tal-Qorti iżda ppreżentaw eċċezzjonijiet dwar id-drammatizzazzjoni tal-Att ta’ Akkuża, billi sostnew li n-narattiva sensazzjonali tista’ tħalli impressjoni preġudizzjuża fuq il-ġurati u ma tirriflettix b’mod sħiħ ir-responsabbiltà ta’ partijiet terzi involuti, inkluż esperti li kien hemm sentenzi definittivi kontrihom. Minkejja dan, il-Qorti qieset il-fatti stabbiliti fl-inkjesta u fil-provi biex tistabbilixxi l-ħtija tal-akkużati.

Dan il-każ, li ġie deskritt bħala wieħed mill-aktar tragici fil-komunità, ma jħallix dubju dwar ir-rwol kritiku tas-sigurtà u l-ħtiġijiet regolatorji fuq siti ta’ kostruzzjoni u l-konsegwenzi tragġiċi ta’ nuqqas ta’ ħsieb fil-professjoni.

Il-Qorti osservat ukoll il-mudell ta’ kalkolu tal-ħsarat, li huwa bbażat fuq stimi u mhux fuq valur definitiv, u enfasizzat li l-analiżi finali għandha ssir matul iċ-ċelebrazzjoni tal-ġuri. Meta tqis dawn il-prinċipji, il-Qorti ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha tal-akkużati Dimech u Spiteri, ħlief għal eċċezzjoni waħda ta’ Spiteri li tressqet għall-isfilz tal-paġni enumerati.

Finalment, il-Qorti ordnat li l-kawża tiġi d-differita sine die, sakemm jiġi definit l-eżitu ta’ xi appell eventwali li jistgħu jressqu l-partijiet skont il-liġi, sabiex tiġi salvagwardjata l-proċedura legali u l-prinċipju tal-ġustizzja ekwa.

B’rabta ma’ dan il-każ żewġ Periti li kienu akkużati wkoll bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace kienu nstabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati u ġew ordnati jagħmlu xogħol komunitarju flimkien ma’ multa ta’ eluf ta’ ewro.

Fl-għoti tas-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud kien sab lill-Perit Roderick Camilleri ħati tal-akkużi kollha mressqa kontrih, fosthom anki li bi traskuraġni kkaġuna ħsara fil-proprjetà tal-istess vittma kif ukoll fi tliet proprjetajiet oħra.

Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat ġie ordnat li jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità għal 480 siegħa. Huwa kien ġie mmultat €10,000. Il-Perit Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira nstab ħati ta’ żewġ akkużi fosthom ta’ qtil involontarju u ġie ordnat jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità għal 400 siegħa.

Il-Qorti ordnatlu wkoll jħallas multa ta’ €8,000. Iż-żewġ persuni misjuba ħatja ġew ordnati wkoll iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti bejniethom li jammontaw għal kważi €19,300. Il-Qorti wkoll ma ħassitx li għandha tiskwalifika liż-żewġ Periti mil-liċenzji tagħhom bħala Periti.