Lokali Qorti

Seba’ snin ħabs fuq ġlieda f’ristorant li wasslet biex il-vittma tilef il-vista minn għajn waħda

Raġel ta’ 67 sena minn Ħal Tarxien – instab ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u kkundannat seba’ snin priġunerija wara ġlieda vjolenti li seħħet f’ristorant fl-2019, li fiha l-vittma sofra ġrieħi serji f’għajnejh fejn tilef ukoll il-vista minn għajn waħda. Il-Qorti, wara li evalwat ix-xhieda kollha u l-provi mressqa, sabet lil Saviour Caruana ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontrih u imponiet ukoll kumpens massimu ta’ €10,000 favur il-vittma, kif ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin.

L-inċident seħħ fl-24 ta’ Marzu, fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar ġewwa l-Imġarr – Malta. Mix-xhieda li ngħatat fil-kawża rriżulta li l-inċident inqala’ wara argument bejn żewġ familji, li eskala f’ġlieda kbira fil-kuridur quddiem it-toilets tar-ristorant u mbagħad kompliet barra.

Il-vittma qal li wara qala’ d-daqqa minnufih induna li ma setax jara mill-għajn il-leminija u kellu jittieħed l-isptar b’ambulanza. Bintu, li wkoll xehdet, qalet li missierha “qas tkellem u qas biss tniffes” waqt l-akkużat mar fuqu u tah daqqa.

Ċertifikati mediċi ppreżentati fil-Qorti kkonfermaw li l-vittma sofra ġrieħi gravi ħafna. It-tabib James Vassallo ikkonferma ċ-ċertifikat mediku, filwaqt li l-konsulent oftalmologu Melvin Gouder spjega li l-każ kien estremament serju u kien jeħtieġ operazzjoni ta’ emerġenza.

Qal li meta eżamina lill-pazjent mill-ewwel induna li kienet ġerħa severa ħafna u li l-operazzjoni setgħet biss tikkonserva l-forma tal-għajn. Żied ukoll li t-tim mediku kien minnufih informa lill-vittma li dik kienet “lost eye”.

Joel Tabone, wieħed mis-sidien tar-ristorant, xehed li f’daqqa waħda sema’ għajjat, tazzi jinkisru u twerżieq waqt li kien qed jindaqqu diski. Huwa qal li għaraf lill-vittma bħala l-persuna li kienet mal-bar u li aktar tard raħ jinħareġ bid-demm ħiereġ minn għajnejh. Qal ukoll li sema’ lil Paul Camilleri jgħid lill-vittma biex ma joħroġx mit-toilet qabel ma jgħidlu hu.

Franco Fenech, li kien qed jiekol mal-imputat u ma’ oħrajn, sostna li l-argument beda meta persuna oħra lmentat dwar storbju. Skont hu, l-imputat qala’ daqqa ta’ ponn f’għajnejh. Madankollu, id-difiża rrimarkat li f’verżjoni li kien ta lill-Pulizija f’April tal-2019 ma semma l-ebda aggressjoni fil-konfront ta’ Caruana, fatt li tqies bħala inkonsistenti.

Xhieda oħra, fosthom żewġ waiters u ħaddiem fil-kċina, ikkonfermaw li l-atmosfera ferrieħa nbidlet f’paniku sħiħ, b’tazzi jtiru u ġlieda fiżika bejn il-preżenti. Ġie spjegat li parti mill-grupp ġiet imsakkra fit-toilets biex tiġi evitata aktar eskalazzjoni, waqt li oħrajn inħarġu barra. Wieħed mix-xhieda qal li ra persuna żżomm għajnejha midruba, waqt li oħrajn ippruvaw jifirdu l-ġlieda.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti rreferiet għall-prinċipji stabbiliti fil-kawża Il-Pulizija vs Francis Mamo, fejn ġie enfasizzat li l-piena mhijiex vendikazzjoni iżda għandha sservi biex tirrestawra t-tessut soċjali, tipproteġi s-soċjetà u tibgħat messaġġ ta’ deterrent.

Il-Qorti nnutat li minkejja li l-imputat ma kienx meqjus bħala persuna ta’ kondotta vjolenti, dan ma jeskludix piena karċerarja meta ċ-ċirkostanzi jitolbuha. Barra minn hekk huwa nstab ħati wkoll li kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika.

Skont ix-xhieda tal-vittma u ta’ membri tal-familja tiegħu, Caruana daħal fir-ristorant irrabjat u tah daqqa ta’ ponn f’għajnejh mingħajr provokazzjoni, hekk kif il-vittma kien ħallas il-kont. Ix-xhieda sostnew li l-vittma ma kien involut f’ebda argument u kien qed imur lejn it-toilet meta ġie aggredit.

Wara d-daqqa, il-vittma beda jsofri minn kwantità ta’ demm ħiereġ minn għajnejh u kellu jiġi msakkar fit-toilet sakemm waslet il-pulizija. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard ġie operat, iżda tilef kompletament id-dawl minn għajn waħda.

Il-Qorti tat piż kbir lill-filmati tas-CCTV u lix-xhieda tal-vittma u tal-familjari tiegħu, kif ukoll lill-verżjoni inkonsistenti tal-imputat, li inizjalment sostna li hu kien vittma ta’ daqqa iżda ma ppreżenta ebda prova medika li kkorroborat dan. Ġie nnutat ukoll li l-imputat eżerċita d-dritt għas-silenzju wara li ġie kkonfrontat b’filmati li juru l-mument tal-aggressjoni.

Fil-motivazzjoni tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni rnexxielha tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Caruana kien l-aggressur u li d-daqqa waħda li ta kienet biżżejjed biex tikkawża l-ġrieħi gravi li sofriet il-vittma, inkluż it-telf permanenti tad-dawl minn għajn waħda.

Għaldaqstant, Saviour Caruana nstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih relatati ma’ ġrieħi gravi u ksur tal-paċi pubblika, bil-Qorti tikkunsidra l-gravità tal-konsegwenzi tal-aggressjoni fil-fażi tal-piena.

Wara li qieset il-gravità tal-każ u d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti kkundannat lill-imputat għal seba’ snin ħabs. Barra minn hekk, ordnat li jħallas €10,000 kumpens lil Mifsud, u ħarġet ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-kumpens, skont il-Qorti, huwa l-massimu permissibbli, filwaqt li ġie osservat li l-ebda somma ta’ flus ma tista’ terġa’ tagħti l-vista lura lill-vittma. Għal Saviour Caruana deher l-Avukat Matthew Xuereb filwaqt li bħal parte civile għan-nom tal-vittma deher l-Avukat Arthur Azzopardi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Godwin Scerri.