Raġel ta’ 35 sena ta’ nazzjonalità Maċedonjana nstab ħati u ngħata sentenza ta’ 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li hedded lill-martu, omm iż-żewġ uliedu minuri. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Il-Qorti semgħet kif bejn il-11 u t-12 ta’ Frar l-akkużat, li joqgħod San Pawl il-Baħar, hedded ripetutament lill-martu u kkawżalha biża’ li seta’ jintuża vjolenza kontriha. Huwa ġie akkużat ukoll li fis-16 ta’ Frar għall-ħabta tas-2:15pm għamel theddid permezz ta’ komunikazzjoni elettronika u li insulta lill-mara tiegħu.
Matul il-proċeduri ħareġ li l-akkużat ċempel lill-martu tliet darbiet u qalilha: “Tmurx id-dar inkella noqtlok.” Wara l-ammissjoni tal-ħtija tiegħu, il-Qorti kkundannatu għal 14-il xahar priġunerija sospiżi għal sentejn u imponiet multa ta’ €400. Barra minn hekk, ġiet ordnata d-deportazzjoni immedjata tiegħu minn Malta.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-akkużat kien rappreżentat mill-Avukat Silvan Pulis.
//= $special ?>

