Lokali Qorti

Sitt snin ħabs wara li espona ruħu quddiem żewġ minuri fuq karozza tal-linja

Sudaniż ta’ 29 sena, Abdulsalam Yahya, ġie kundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li espona l-parti privata tiegħu u għamel mossi b’konnotazzjonijiet sesswali quddiem żewġ subien ta’ 13-il sena fuq karozza tal-linja f’Marsaskala.

Fis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Claire L. Stafrace Zammit, il-Qorti sabet lill-imputat ħati ta’ istigazzjoni ta’ korruzzjoni ta’ minuri, offiża kontra l-pudur u l-morali f’post pubbliku, fastidju b’konnotazzjonijiet sesswali u ksur tal-paċi pubblika, b’rabta ma’ inċident li seħħ fil-5 ta’ Marzu 2025 bejn is-6pm u t-8pm.

Mill-provi rriżulta li ż-żewġ subien kienu fuq ir-rotta 135 direzzjoni Marsaskala meta l-imputat beda jistaqsihom isimhom u jekk humiex maskili jew femminili. Aktar tard, skont ix-xhieda konsistenti tagħhom, huwa beda jagħmel moviment ripetut b’idu fuq il-parti privata tiegħu u eventwalment niżżel il-qalziet u espona ruħu.

Iż-żewġ minuri xehdu permezz ta’ sistema awdjo-viżiva u qalu li ħassewhom imbeżżgħin u taħt xokk, tant li wieħed minnhom ċempel lil missieru biex jiġbru mill-venda ta’ Wied il-Għajn. Il-missier ta’ wieħed mill-minuri xehed li meta waslu Marsaskala sab lill-imputat jinżel warajhom u żammu milli jitlaq sakemm waslet il-Pulizija.

Uffiċjali tal-Pulizija li xehdu fil-kawża kkonfermaw li meta waslu fuq il-post sabu liż-żewġ subien viżibilment imwerwrin u bid-dmugħ f’għajnejhom. Min-naħa tiegħu, l-imputat ammetta li kien fuq il-karozza tal-linja u li raż-żewġ subien, iżda qal li ma jiftakar xejn aktar dwar dak li allegatament seħħ.

Il-Qorti ma sabitx il-verżjoni tiegħu kredibbli u osservat li ż-żewġ minuri kienu konsistenti sal-iċken dettall u li x-xhieda tagħhom kienet ikkorroborata minn xulxin u minn provi oħra. Fil-kunsiderazzjonijiet legali tagħha, il-Qorti enfasizzat li għall-konsumazzjoni tar-reat ta’ korruzzjoni ta’ minuri taħt l-artikolu 203A tal-Kodiċi Kriminali mhijiex meħtieġa korruzzjoni effettiva, iżda huwa biżżejjed kull għemil li jista’ jqanqal jew jistimula interess sesswali fil-minuri.

Rigward l-offiża kontra l-pudur, il-Qorti rrimarkat li karozza tal-linja hija post pubbliku u li lanqas mhu meħtieġ li xi ħadd ikun effettivament ra l-att biex ir-reat ikun sussistenti. Il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kif imressqa u indikat li l-piena għandha tirrifletti s-serjetà tal-fatti, partikolarment minħabba li l-vittmi kienu minuri u l-inċident seħħ f’post miftuħ għall-pubbliku.

Barra minn hekk il-Qorti mponiet fuq l-imputat Ordni ta’ Trazzin a favur il-parte civile għal żmien tliet snin u liema ordni għandha tifforma parti ntegrali mis-sentenza. Fl-istess waqt ordnat li ismu jitpoġġa fir-reġistru ta’ dawk li jinstabu ħatja ta’ reati konnessi ma’ minuri. Il-prosekzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jennifer Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Dorianne Tabone u Kurt Farrugia.