Skont avviż legali ġdid, il-kirja tal-Picnic area f’Ta’ Qali għall-avvenimenti, li sallum il-ġurnata għadha mingħajr ħaxix … issa għoliet.
Żvela dan il-ġurnal Times of Malta, li spjega kif l-ispiża sabiex jittella’ avveviment f’Ta’ Qali, issa żdiedet minn €500 għal €2,500. Apparti minn hekk l-organizzaturi jkollhom iħallsu wkoll €500 kull jum għall-provi li jwasslu għal dan l-avveniment.
Iż-żona għall-kunċerti li preżentament hija l-aktar waħda għolja f’Ta’ Qali se tkun qed tiswa’ €5,000 fil-jum tal-kunċert, flimkien ma’ €1,500 għal kull jum ta’ provi qabel l-avveniment. Żoni oħra tal-park se jiswew bejn €300 u €1,500 kuljum għal użu privat.
Din hija l-ewwel darba mill-2010 li l-kirjiet taż-żoni fil-Park ta’ Ta’ Qali se jkunu qed jogħlew.
Fl-aħħar xhur, ramel importat mill-Greċja bi spiża ta’ aktar minn €311,000, tpoġġa f’din iż-żona biex jitnaqqas it-trab waqt l-avvenimenti tas-sajf. Iżda dan spiċċa irrovina l-ħaxix kollu li kien hemm fil-picnic area – ħaxix li baqa’ ma telax.
Fil-fatt, minkejja l-maltemp u x-xita li ħakmet lill-gżejjer Maltin fl-aħħar ġimgħat, u l-wegħda li kien għamel l-Uffiċjal Laburista Jason Micallef li sa Diċembru, il-Picnic area ta’ Ta’ Qali se terġa’ tkun mimlija ħaxix … din iż-żona sallum il-ġurnata għadha kollha ramel u żrar.
B’rabta ma’ din il-kontroversja il-Gvern tilef kull kontroll bil-Prim Ministru Robert Abela saħansitra jammetti d-difetti li hemm – u tenna li l-Gvern seta’ għamel aħjar.
//= $special ?>

