Ġgant tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna li ħalla l-marka tiegħu fuq il-qasam ġurnalistiku bħala editur tas-Sunday Times of Malta, imma wkoll bis-sehem tiegħu bħala opinjonista u kummentatur politiku anke wara li rtira minn karriera twila ta’ 60 sena fil-ġurnaliżmu.
It-Tlieta filgħodu, fil-Knisja l-Atika ta’ Birkirkara, ingħatat l-aħħar tislima lil Laurence Grech – fil-preżenza ta’ diversi eks kollegi u ġurnalisti li ħadmu miegħu tul is-snin.
Fuq quddiem, il-familja ta’ Laurence Grech, kif ukoll ħbieb tiegħu u ħaddiema li kienu miegħu fit-Times meta hu kien editur.
Preżenti fost l-oħrajn il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione u l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Laurence Grech kien ingħaqad mat-Times fl-1963, u serva bħala editur tas-Sunday Times of Malta għal 16-il sena sa ma rtira fl-2007.




Wara, kien konsulent editorjali u direttur tal-Allied Newspapers.
Laurence Grech qatt ma ddejjaq isemma’ leħnu favur il-verità u l-ġustizzja, u ispira lil ħafna ġurnalisti oħra f’pajjiżna. Tant li b’rikonoxximent għall-ħidma kbira tiegħu f’dan il-qasam kien anke ġie ppremjat bl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu f’Jum ir-Repubblika tal-2007.
Fl-2019 il-kontribut kbir tiegħu matul ħajtu għall-ġurnaliżmu f’Malta kien rikonoxxut ukoll mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li onorah bil-Gold Award.
Għal żmien twil wara li rtira minn mat-Times, Laurence Grech kien ukoll wieħed mill-mistiedna regolari f’diversi programmi ta’ diskussjoni fuq it-televiżjoni u r-radju f’Malta, inkluż fuq Net Television, fejn kien ikun mistieden regolarment bħala kummentatur politiku.




