Lokali Qorti

18-il xahar ħabs sospiżi wara li ammetta serq ta’ travi minn Marsaxlokk

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, sabet lil Alfred Grixti ħati ta’ serq aggravat bil-valur u bil-mezz ta’ travi tal-ħadid minn proprjetà fi Triq iż-Żejtun, Marsaxlokk, u kkundannatu għal 18-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin.

Il-każ imur lura għat-18 ta’ Jannar 2022 meta minn ġewwa proprjetà ta’ Johann Schembri sparixxew numru ta’ travi tal-ħadid li kienu tqiegħdu hemmhekk biex jerġgħu jintużaw. Il-prosekuzzjoni allegat li nsterqu 32 travu b’valur ta’ €11,800, iżda mill-provi rriżulta li n-numru kien ferm inqas.

Fil-fatt, l-imputat fl-istqarrija tiegħu ammetta li ħa bejn 14 u 15-il travu waqt li kien taħt l-effett tad-droga. Din il-verżjoni ġiet ikkorroborata minn xhieda diretta tas-sid tal-iscrapyard Silio Carabott u tax-xufier Carmel Micallef, li kkonfermaw li ttieħdu madwar 15-il travu li jiżnu madwar żewġ tunnellati, u li għalihom Grixti tħallas €300, parti fi flus kontanti u parti b’ċekk li sussegwentement issarraf.

Espert maħtur mill-Qorti kkonkluda li n-numru ta’ travi ma setax jaqbeż it-18 u li l-piż totali kien ta’ 2,328 kilo, b’valur ta’ madwar €1,100 mingħajr VAT. Il-Qorti qieset li, għalkemm il-valur ma kienx dak allegat mill-parti leża, xorta kien jaqbeż il-limitu legali biex japplika l-aggravju tal-valur.

Irriżulta wkoll li l-imputat daħal fil-proprjetà billi qabeż ċint ta’ madwar metru biex jorbot it-travi u jtellagħhom bil-‘high up’, fatt li wassal biex il-Qorti sabet li kien hemm ukoll l-aggravju tal-mezz.

Fir-rigward tar-reċidiva, il-Qorti analizzat sentenzi preċedenti kontra Grixti, fosthom waħda tal-2019 li kienet imponiet 15-il xahar ħabs sospiżi għal 36 xahar wara ksur ta’ probation relatata ma’ serq. Peress li r-reat odjern twettaq waqt il-perjodu operattiv ta’ dik is-sentenza sospiża, il-Qorti sabet li kien hemm ksur tas-sentenza sospiża.

Madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-reċidiva skont il-liġi, il-Qorti għamlet distinzjonijiet legali dwar jekk l-imputat setax jitqies li kien diġà skonta piena. Meta ġiet biex tiddetermina l-piena, il-Qorti tat piż lill-progress li għamel l-imputat fil-proċess ta’ riabilitazzjoni tiegħu mid-droga, kif ikkonfermat minn professjonisti ta’ Caritas u mill-Aġenzija Sedqa. Ġie nnutat li Grixti kien ilu jsegwi programm ta’ trattament, kien qed jattendi sessjonijiet regolarment u t-testijiet tal-urina tiegħu kienu kollha negattivi.

Il-Qorti qieset ukoll ix-xhieda emozzjonanti ta’ bintu, li rrakkuntat il-bidla li rat f’missierha wara li daħal għall-programm ta’ riabilitazzjoni u kif il-familja reġgħet sabet fih il-persuna li kienu tilfu minħabba l-vizzju.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti sabet lil Grixti ħati tal-ewwel u t-tielet imputazzjoni u imponiet sentenza ta’ 18-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin, filwaqt li wissietu serjament dwar il-konsegwenzi jekk jerġa’ jikser il-liġi.