Żagħżugħ ta’ 20 sena ġie kkundannat għal ħames snin u tmien xhur ħabs wara li kkawża ġrieħi gravi lil raġel ieħor f’attakk vjolenti marbut ma’ kwistjoni personali. Preslav Dimitrov, ċittadin Bulgaru residenti San Pawl il-Baħar, kien ġie mixli f’Lulju li wettaq ġrieħi gravi, hedded u insulta lill-vittma kif ukoll li nissel biża’ ta’ vjolenza.
Il-każ inqala’ wara allegat aggressjoni vjolenti fuq raġel li kien qed jitkellem mal-eks sieħba ta’ Dimitrov qrib għelieqi f’Triq il-Port Ruman. Meta kien tressaq il-Qorti kien ħareġ li l-vittma daħal fl-għassa tal-pulizija b’feriti viżibbli f’wiċċu u demm nieżel. Huwa qal lill-uffiċjali li waqt li kien qed jitkellem mal-mara, xi ħadd qabeż fuqu minn wara u beda jsawwtu. Meta dar biex jara min kien l-aggressur, identifikah bħala l-eks għarus tal-mara.
B’riżultat tal-attakk, il-vittma sofriet diżabilità permanenti u viżibbli ta’ tliet ċentimetri fuq l-għajn tal-lemin, eżatt fuq il-ħuġġbejn. Għalkemm inizjalment wieġeb mhux ħati, Dimitrov biddel il-pleġġ tiegħu għal ħati fl-1 ta’ Diċembru.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-qorti nnutat li l-pleġġ ta’ ħtija ma ddaħħalx fi stadju bikri tal-proċeduri, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll li l-imputat ma kellux kundanni preċedenti. Il-qorti qieset ukoll iċ-ċirkustanzi tal-każ, fosthom il-fatt li kien ġie mħeġġeġ mill-eks sieħba tiegħu sabiex “jieħu vendetta” għal dak li hija allegat li kien qed jitqies b]ala rimakra lejn id-dinjità tagħha, li aktar tard irriżulta li kien qerq immexxi mix-xewqa tagħha ta’ ritaljazzjoni kontra l-vittma.
Il-qorti tat piż ukoll lir-rapport ta’ qabel is-sentenza mħejji mill-uffiċjal tal-probation, li rrakkomanda piena ta’ priġunerija fid-dawl tat-tendenzi vjolenti tal-imputat. Ġie nnutat ukoll li minkejja ordni tal-qorti biex ma jikkuntattjax lill-eks sieħba tiegħu, Dimitrov baqa’ jżomm kuntatt regolari magħha, fatt li skont il-qorti juri nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorità u l-ordnijiet tagħha.
“Dan juri nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorità tal-qorti u impenn kontinwu li jikser il-liġi,” osservat il-qorti, filwaqt li kkonkludiet li ma kien hemm ebda lok għall-ħniena. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs ta’ ħames snin u tmien xhur, il-qorti imponiet ukoll ordni ta’ trattament għal tliet snin biex l-imputat jindirizza l-imġiba vjolenti tiegħu, kif ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-vittma.
Ġie ordnat ukoll li l-pulizija tinvestiga lil Elise Pisani sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex suġġetta għal proċeduri kriminali għal kompliċità fl-att u għal dikjarazzjoni falza lill-pulizija. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Miriyah Borg, assistita mill-ispetturi Warren Galea u Cheyenne Mangion, filwaqt li l-avukat José Herrera deher għall-imputat.
//= $special ?>

