L-Erbgħa filgħodu kien organizzat djalogu flikien ma’ numru ta’ NGOs kif ukoll l-attivitsta Taljana, u kantanta ċelebri, Annalisa Minetti.
Tul dan id-djalogu ċ-chairperson, l-Avukat Jason Azzopardi, faħħar il-ħidma ta’ Ivan Bartolo u insista dwar il-bżonn li din l-inizjattiva tingħata importanza u titqiegħed fuq livell nazzjonali bil-għan li dawk il-persuni li jkunu qed isofru fis-silenzju ma jibqgħux emarġinati.
F’diskors b’saħħtu, il-kantanta Taljana Annalisa Minetti, li ssofri minn kundizzjoni li ħaditilha l-vista ta’ għajnejha fl-età ta’ 18-il sena, insistiet dwar il-punt li mhux vera li kulħadd huwa l-istess. U għandna nħaddnu d-diversità ta’ bejnietna għaliex grazzi għal konfront nistgħu nikbru u permezz tad-djalogu nistgħu nevolvu f’soċjetà aħjar.
Minetti spjegat li d-diversità mhix limitu iżda opportunità. U qalet illi filwaqt li ħadd ma huwa ugwali, d-drittijiet għandhom ikunu l-istess għal kulħadd – id-dritt tal-ħajja, id-dritt għall-imħabba.
Id-deputat Ivan Bartolo spjega li filwaqt li ħajjitna mgħobbija wisq, għandna nitgħallmu noħolmu flimkien sabiex verament ngħamlu d-differenza.
Tul dan id-djalogu tkellmu fost oħrajn il-President tat-Thalidomide Survivors Association Malta, Anatole Baldacchino illi insista li huma bħala NGO kellhom isemmgħu leħinhom biex il-Gvern iwettaq Ġustizzja Soċjali magħhom.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja, tkellem dwar il-bżonn li l-ħaddiema jiġu trattati bl-istess drittijiet filwaqt li insista li hemm gruppi ta’ ħaddiema …bħal baħħara u carers…. li jiġu sfruttati b’mod mill-aktar aħrax.
Ingħad li ma nistgħux nibqgħu nħossuna komdi nimxu ‘l quddiem meta hawn min qiegħed ibgħati.
L-Avukat Michael Piccinino insista li wara din il-ġimgħa hemm bżonn li mill-kliem nimxu għall-fatti – lil’hinn mill-kuluri partiġjani. Dan filwaqt li l-President tal-FOIPN, Jamie Vella stqarr li dan mhux appell għad-drittijiet imma sejħa għal neċessitajiet li bħala soċjetà rridu nimxu id f’id lejn tragwardi oħra.
Dan filwaqt li Bridget Micallef, minn NonVisual Network tkellmet dwar il-fatt li persuni b’diżabiltà bħal fost oħrajn persuni li m’għandhomx il-vista, isibu diversi ostakli biex isibu xogħol u għaldaqstant huma bħala għaqda jgħinu lil dawn il-persuni sabiex jimirħu fid-dinja tax-xogħol.
Finalment, ix-Shadow Minister Graziella Galea appellat għal aktar solidarjetà, aktar kuxjenza, aktar urġenza fl-azzjoni minn naħa tal-Awtoritajiet bil-għan li kulħadd ikollu d-drittijiet tiegħu mħarsa, bil-għan li ħadd qatt ma jibqa’ jitħalla lura.
//= $special ?>
