Lokali

Il-ġustizzja soċjali titlob distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi biex kull ċittadin igawdi minn dritt ugwali għall-ħajja

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Il-kantanta u attivista Taljana Annalisa Minetti fiċ-ċentru tad-diskussjoni dwar il-ġustizzja soċjali

Il-ġustizzja soċjali titlob distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi biex kull ċittadin igawdi minn dritt ugwali għall-ħajja.

Kien dan il-messaġġ prinċipali ta’ konferenza tal-aħbarijiet li saret illum bħala parti mill-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali li qed jorganizza għat-tmien sena konsekuttiva l-Partit Nazzjonalista permezz tax-Shadow Minister Ivan Bartolo. Il-konferenza stampa kienet indirizzata mid-Deputat Ivan Bartolo, minn Dr Lara Said – pazjenta bil-Multiple Myeloma, u mill-kantanta Taljana u attivista fil-qasam tal-ġustizzja soċjali Annalisa Minetti.

Minetti – li kienet il-mistiedna speċjali ta’ din il-ġimgħa – hija kantanta, atleta u personalità televiżiva Taljana magħrufa kemm għat-talent artistiku tagħha kif ukoll għad-determinazzjoni personali. Twieldet fl-1976 u tilfet parti kbira mill-vista tagħha minħabba kundizzjoni ġenetika, iżda dan qatt ma waqqafha milli ssegwi l-karriera tagħha. Saret popolari l-aktar meta rebħet il-Festival ta’ Sanremo fl-1998 bil-kanzunetta Senza te o con te – episodju li fisser il-bidu tas-suċċess mużikali internazzjonali tagħha. Minbarra l-mużika, Minetti hija wkoll atleta paralimpika ta’ livell għoli, speċjalment fl-atletika, fejn rebħet diversi midalji u kisbiet importanti.  Illum hija meqjusa bħala eżempju ta’ perseveranza u ispirazzjoni, u kontinwament titkellem dwar l-inklużjoni, l-isport u kif wieħed jista’ jegħleb l-isfidi personali.

Waqt il-konferenza stampa, Annalisa Minetti faħħret l-inizjattiva tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista u tkellmet dwar l-inklużjoni tal-persuni li bħalha għandhom xi forma ta’ diżabbiltà, waqt li ħeġġithom biex ma jibżgħux jimbuttaw dejjem il-limiti tagħhom. Hija saħqet li din hi l-bidla vera li jeħtieġ li nagħmlu fil-mentalità.   

Min-naħa tiegħu, Ivan Bartolo tkellem dwar il-konferenza nazzjonali li se ssir għada fil-Parlament u dwar is-serata tal-Ġimgħa li matulha se jiġu rikonoxxuti persuni u għaqdiet li jaħdmu għall-ġustizzja soċjali f’pajjiżna. Fakkar ukoll fl-Abbozz ta’ Liġi li se jressaq quddiem il-Parlament dwar is-solitudni u qal li mill-għada li l-Kap tal-PN fdah b’dan id-dekasteru ġdid, beda jaħdem ma’ grupp ta’ esperti u professjonisti f’dan il-qasam biex jitfasslu numru ta’ prinċipji u jitressaq dan il-Private Member’s Bill. Hu spjega kif dan il-grupp ħares lejn best practices li użaw pajjiżi oħra bħall-Kanada, l-Ingilterra, l-Olanda u l-Iżvizzera fost l-oħrajn. L-abbozz, qal Ivan Bartolo, iħares lejn il-ġlieda kontra s-solitudni u t-tisħiħ tal-benesseri soċjali u waqt li jirrikonoxxi s-solitudni bħala kwistjoni serja li taffettwa s-saħħa mentali, fiżika u l-kwalità tal-ħajja, jippromwovi aktar solidarjetà, inklużjoni u relazzjonijiet soċjali b’saħħithom fil-komunità.  

Dan minbarra li jinkoraġġixxi politika u inizjattivi nazzjonali biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tas-solitudni. Ivan Bartolo żied li din il-liġi ġdida ma tħarisx biss lejn is-solitudni bħala xi ħaġa personali, imma bħala sfida soċjali u ekonomika.

Huwa qal li matul din il-ġimgħa, minbarra dan l-abbozz se jiġu ppreżentati wkoll diversi riżoluzzjonijiet fosthom dwar il-finanzjament tat-trattament tal-kanċer, li dwaru tkellmet Dr Lara Said, li waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħaqdet mal-appell ta’ Ivan Bartolo għal bidla radikali fil-mod kif il-pajjiż jiffinanzja t-trattament tal-kanċer.

Bħalissa, ħafna pazjenti tal-kanċer jiddependu fuq fondi mill-Malta Community Chest Fund biex jixtru l-kura li għandhom bżonn, minflok ma din tingħata b’xejn mis-sistema nazzjonali tas-saħħa – u dan joħloq inċertezza waqt li jfisser li l-pazjenti qed ikollhom imorru jittallbu għall-fondi biex jibqgħu jgħixu. Fid-dawl ta’ dan, Dr Lara Said ippreżentat erba’ rakkomandazzjonijiet ewlenin:

·          It-trattamenti kollha approvati mill-Awtorità Ewropea tal-Mediċini għandhom jiġu ffinanzjati mill-Gvern Malti u jingħataw b’xejn;

·          Għandu jkun hemm proċess ċar ta’ appell għal min jiġi mċahħad mit-trattament;

·          Il-Gvern għandu jikkollabora ma’ pajjiżi tal-UE biex jiffaċilita l-aċċess għal provi kliniċi;

·          Għandu jitwaqqaf qafas konsistenti fis-servizz nazzjonali tas-saħħa biex jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Maltin f’dawn il-provi, kemm f’Malta kif ukoll barra.

Il-ġustizzja soċjali titlob distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi biex kull ċittadin igawdi minn dritt ugwali għall-ħajja, temmet tgħid Dr Said.

Sadanittant, aktar kmieni, bħala parti mill-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali, Annalisa Minetti ltaqgħet ma’ grupp ta’ organizzazzjoniijiet non-governattivi fis-sala tal-komunità taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta biex jiddiskutu diversi forom ta’ inġustizzji soċjali li qegħdin jaffettwaw lis-soċjetà Maltija tal-lum.

Il-laqgħa għall-NGOs kellha l-għan li tqajjem kuxjenza, taqsam esperjenzi u tidentifika azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Matul id-diskussjoni ġew enfasizzati temi bħall-faqar, id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni u l-impatt soċjali tal-problemi ekonomiċi. Diversi NGOs ppreżentaw esperjenzi prattiċi mill-ħidma tagħhom mal-komunitajiet vulnerabbli. Il-parteċipanti qablu fuq il-bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet, kif ukoll fuq l-importanza ta’  sensibilizzazzjoni pubblika u pressjoni pożittiva fuq il-policymakers biex jittieħdu miżuri aktar effettivi.

Minetti semgħet kull intervent b’attenzjoni kbira, u f’messaġġ li għaddiet waqt il-laqgħa mal-NGOs, irringrazzjat lil kulħadd għall-impenn komuni favur il-ġustizzja soċjali u ħeġġet biex ikomplu naħdmu flimkien favur soċjetà aktar ġusta u inklużiva, filwaqt li nkomplu nippromwovu l-valuri tal-ġustizzja soċjali tul is-sena kollha.

Fost kelliema oħra f’din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista (FOIPN) Jamie Vella, l-Avukat Michael Piccinino, Anatole Baldacchino – vittma tat-Thalidomide, Bridget Micallef mill-NGO Visual Non-Visual Network u s-Shadow Ministers Graziella Galea u Ivan Bartolo. Id-diskussjoni tmexxiet mill-Avukat Jason Azzopardi.