Internazzjonali

Il-Papa Ljun XIV jiċħad għall-Bord tal-Paċi ġdid

Aktar ma naħseb u aktar ma naqra nifhem kemm il-Papa Ljun XIV hu ċar fejn irid jeħodna. (Ritratt: EPA)

Il-Vatikan iddikjara li mhux se jipparteċipa fil-Bord tal-Paċi l-ġdid…L-inizjattiva mfassla mill-President Amerikan, Donald Trump u li għandha tinkludi anki lill-President tar-Russja, Vladimir Putin u numru ta’ dittaturi bħala membri tal-Bord.

Il-Kardinal Pietro Parolin, l-ogħla uffiċjal diplomatiku tas-Santa Sede, fl-istess ħin, għadda messaġġ ċar li l-isforzi għall-kontroll tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi madwar id-dinja għandhom jitmexxew min-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Papa Ljun XIV, l-ewwel Kap tal-Knisja ta’ nisel Amerikan u li jikkritika diversi aspetti tal-politika ta’ Donald Trump, f’Jannar kien ingħata stedina formali biex isir membru ta’ dan il-Bord.

Intant, il-Bord inkwistjoni hu intiż li jissorvelja l-amministrazzjoni temporanja tal-Medda ta’ Gaza. L-istess Bord, maż-żmien, għandu jkun estiż biex jikkonfronta l-konflitti kollha li għaddejjin madwar id-dinja – b’Donald Trump iħabbar lilu nnifsu bħala Chairman permanenti ta’ din l-entità…Kariga li hu beħsiebu jżomm anki ladarba jispiċċa minn President tal-Istati Uniti.

Il-Bord se jkollu l-ewwel laqgħa f’Washington għada l-Ħamas u fejn ir-rikostruzzjoni ta’ Gaza għandha tispikka fuq l-aġenda tat-taħditiet.