Lokali Qorti

Illiberata minn akkuża ta’ ħsara volontarja fuq karozza ta’ għalliema fin-Naxxar

Il-Qorti – preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Amy Saliba minn akkuża li volontarjament għamlet ħsara lil vettura fil-parkeġġ tal-Maria Regina Middle School fin-Naxxar. Saliba, ta’ 28 sena, kienet akkużata li fil-21 ta’ Novembru 2024 bejn it-8.00am u t-8.15am għamlet ħsara li tammonta għal aktar minn €250 iżda inqas minn €2,500 fuq Toyota Yaris, proprjetà ta’ għalliema.

Fil-Qorti, l-għalliema xehdet li dakinhar filgħodu kienet waslet għall-ħidma tagħha fl-iskola meta nqala’ argument bejnha u l-imputata dwar allegat periklu għat-tfal waqt li kienet qed tirriversja. Hija sostniet li wara l-argument kompliet bil-ġurnata tagħha, iżda meta waslet id-dar indunat bi grif fil-bieba tan-naħa tas-sewwieq. Hija ppreżentat ritratti tal-ħsara u qalet li saret stima ta’ madwar €400.

Il-Prosekuzzjoni rreferiet għal filmat tas-CCTV minn kameras fil-viċinanzi, iżda l-Qorti nnutat li l-filmat kien problematiku fl-aċċess u ma setax jiġi osservat fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, ma rriżultax b’mod ċar li l-imputata dehret tagħmel il-ħsara direttament, u ma kien hemm l-ebda xhud li ddikjara espliċitament li raha twettaq l-att.

Xhud mill-kumpanija tal-assigurazzjoni Gasan Mamo kkonferma li kienet saret stima tal-ħsara, li potenzjalment setgħet tilħaq €650 skont ir-rapport tas-surveyor, iżda l-ħlasijiet kienu għadhom ma sarux. Fid-deċiżjoni tagħha mogħtija llum it-18 ta’ Frar 2026, il-Qorti enfasizzat li fil-qasam kriminali l-prova trid tkun lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova diretta u tal-limitazzjonijiet tal-filmati, il-Qorti kkonkludiet li dan il-livell ma ntlaħaqx. Għaldaqstant, Amy Saliba nstabet mhux ħatja u ġiet liberata minn kull ħtija u piena.