Lokali

Is-Sibt tiftaħ il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista ‘Malta ‘l Quddiem’

“Il-Konvenzjoni Nazzjonali qed issir għaliex dan huwa partit li jisma’. U għandu jkun il-pajjiż li jitkellem sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jfassal politika li verament tindirizza l-bżonnijiet tal-poplu.”

Dan kien il-messaġġ li wassal waqt il-programm NETLIVE Simon Mizzi, li jmexxi l-Leadership Delivery Office – fejn tkellem dwar il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, u dwar l-importanza ta’ dan l-avveniment.

Filwaqt li qal li l-Partit huwa lest li jmexxi lil Malta ‘l quddiem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Simon Mizzi spjega li fl-ewwel jum tal-Konvenzjoni l-Kap tal-PN Alex Borg se jkun preżenti biex jisma’ x’għandhom jgħidu n-nies. U mbagħad se jwassal id-diskors tiegħu fl-għeluq tat-tieni jum tal-Konvenzjoni.

Matul il-jum tas-Sibt se jsiru ħames workshops f’Malta u wieħed f’Għawdex – b’workshops li huma miftuħin għal kulħadd u b’temi li jolqtu kull faxxa tas-soċjetà.

It-temi li se jiġu diskussi fil-workshops huma:

  • Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha
  • Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd
  • Komunitajiet b’saħħithom
  • Gvern li jieħu ħsiebek
  • Malta lesta għal għada, u
  • Għawdex fil-qalba tal-viżjoni nazzjonali

Simon Mizzi spjega wkoll kif il-Konvenzjoni Nazzjonali se tkun qed tikkontribwixxi fil-proċess elettorali li qed iħejji għalih il-PN.