Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Claire L. Stafrace Zammit, sabet lil żagħżugħ mill-Mosta ħati fuq ammissjoni li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minuri ta’ taħt is-16-il sena, reat li seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2024 fil-Belt Valletta. Huwa kellu 20 sena meta seħħ il-każ, peress li l-vittma kellha 15-il sena u l-Qorti nnutat differenza ta’ ħames snin bejnietom.
Fil-proċeduri ħareġ li meta ltaqgħet mal-akkużat fil-Belt wara li kienu saru jafu lil xulxin waqt xi festi u bdew jikkomunikaw permezz ta’ Messenger. Il-Qorti semgħet kif l-allegati atti seħħew fil-Barrakka ta’ Fuq, fejn l-akkużat daħħal subgħajh fil-parti privata tal-minuri għal ftit sekondi. Ir-rapport mediko-legali ma sab l-ebda sinjali ta’ vjolenza jew penetrazzjoni sfurzata.
Fix-xhieda tagħha l-vittma qalet li hi taf lill-akkużat peress li ltaqghħu fil-festa taż-Żejtun – f’Gunju tas-sena 2024. Kienu reġgħu inzertaw lil xulxin fil-festa tal-Imqabba u kien ghalhekk li saru hbieb. Eventwalment ltaqgħu waħedhom fis-16 ta’ Awwissu ġewwa l-Barrakka ta’ Fuq il-Belt, meta seħħ ir-reat.
Tikkonferma li wara li ltaqgħu fil-festi bdew jitkellmu tramite Messenger fejn l-akkużat kien jikteb b’mod
sesswali. Fost affarijiet oħra tgħid li l-akkuzat talabha biex tibghat ‘voice notes’ tagħha billi tagħmel ħsejjes sesswali kif ukoll ritratti ta’ partijiet privati tagħha.
Tikkonferma li hi bagħtet dawn ir-ritratti iżda bil-ħwejjeġ fuqha. Iżżid tghid li qabel ma ltaqghu l
Belt ftiehmu biex jiltaqgħu l-Furjana. Sadanittant tikkonferma li l-ġenituri tagħha kienu jafu li sejra
tiltaqa’ mal-akkużat.
Eventwalment imxew sa stabbiliment fil-bidu ta’ Triq ir-Repubblika, l-Belt fejn hemmhekk l-akkużat ipprova jikkonvinċiha sabiex jidħlu fit-tiolet ħalli jkun jista’ jmissha sesswalment iżda hi insistiet li ma riditx tagħmel hekk. Kien għalhekk li eventwalment marru l-Barrakka ta’ Fuq fejn l-akkużat
gegħelha tpoġġi bilqiegħda fuqu.
Dak il-ħin l-akkużat daħħal idejh fil-parti privata taghha u hi bdiet tipprova tgħidlu biex jieqaf u kien
għalhekk li l-akkuzat waqaf. Tghid li wara ftit xtaqet tmur lura d-dar peress li bdiet tħossha mdejqa u
għalhekk rikbu l-karozza tal-linja flimkien. Tikkonferma li rikbu l karozza tal-linja flimkien peress li hi kienet qiegħda tirrisjedi mhux f’lokalità oħra mhux il-bogħod minn fejn kien joqgħod l-akkużat.
Qalet ukoll li l-akkużat kien jaf li kellha 15-il sena meta dan kollu seħħ. Dan minħabba l-fatt li kienet qaltlu meta ltaqgħu fil-festa. Kif waslet s’għand ommha hi ma qalet xejn dwar dak kollu li ġara sabiex ma taqlax inkwiet iżda peress li kellha d-demm mal-qalziet ommha ndunat b’dan.
Fil-fatt stqarret dwar dak kollu li ġara ma’ missierha u għalhekk missierha kellem lil ommha. Wara din l
esperjenza tikkonferma li hi bdiet tħossha mdejqa u ħatja talli ghamlet dak li ma xtaqitx tagħmel. Qalet ukoll li ġieli kellha għarajjes qabel ma ltaqgħet mal-akkużat iżda qatt ma kienet ipparteċipat f’attivitajiet sesswali.
Minkejja dan però hi xorta waħda kienet baghtet lill-akkuzat tramite messaġġ li kienet ipparteċipat f’attivitajiet sesswali ma’ ġuvintur oħrajn. Qalet li ċertu Sam kien l-għarus tagħha u filwaqt li m’għamlet xejn sesswali mieghu lill-akkużat kienet kitbitlu li ġieli kellha x’taqsam ma’ dan Sam. Hi nsistiet li hi ma xtaqitx tipparteċipa f’attivitajiet sesswali mal-akkużat.
Sostniet li hi tħossha ddispjaċuta bir-ritratti li kienet bagħtet illum il-gurnata. Iżżid tgħid li ommha u missierha kienu ħassrulha l-messaġġi li kienet skambjat mal-akkużat u dan wara li tkellmet mal-Pulizija.
Tikkonferma li l-Pulizija kienu jafu b’dawn il-messaġġi. Tippreċiża li dawn il-messaġġi tħassru qabel m’avviċinat il-Pulizija iżda ommha u missierha kienu laħqu ħadu screenshots sabiex juruhom lill-Pulizija.
Qalet ukoll li wara l-allegat reat hi kienet bagħtet messaġġ lill-akkużat tgħidlu li tixtieq terġa’ tiltaqa’
miegħu u dan b’konnotazzjoni sesswali. Tiċċara li minkejja li kienet tkompli mal-akkużat online, wiċċ imb wiċċ kienet tħossha skomda.
Waqt il-kontro-eżami ċaħdet li kienet bagħtet lill-akkużat sabiex jerġgħu jiltaqghu ħalli jipparteċipaw f’attivitajiet sesswali. Tikkonferma li meta missierha sar jaf bl-allegat reat kienet infurmat lill-akkuzat b’dan u li kien qed jiddispjaċiha li jkollha twaqqaf din ir-relazzjoni.
Missier it-tifla qal fil-Qorti li omm it-tifla sabet id-demm mal-ħwejjeġ tagħha. Kien għalhekk li niżel sa Marsaskala fejn bintu kienet m’ommha u eventwalment it-tifla stqarret miegħu li xi ħadd kien missha b’mod sesswali. Wara li kkonsulta mat-terapista tal-familja dwar dan ha d-deċiżjoni li jaghmel rapport l-għassa. Qal li bintu kienet spjegatlu kollox dwar dak li kien seħħ.
Huwa qal ukoll li bintu qaltlu li Jurgen messha gewwa fl-istabbilment fejn kienu fil-Velt Valletta u l-istess ipprova jagħmel meta kienu fil-ġnien. Qal li bintu ghandha livell t’intelliġenza baxxa u għalhekk bdiet tistħi b’dan kollu li allegatament ġara.
Magħdud ma’ dan jgħid li l-età intellettwali ta’ bintu hija dik ta’ 12-il sena u cioè sentejn inqas mill-età reali tagħha. Tali riżultat joħroġ miċ-Child Development Assesment Unit (CDAU). L-akkużat inizjalment wieġeb mhux ħati, iżda f’Ottubru 2025 irreġistra ammissjoni libera u inkundizzjonata wara li ġie infurmat bil-konsegwenzi legali. Il-fedina penali tiegħu hija nadifa.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat li kien hemm differenza ta’ ħames snin bejn il-partijiet u qieset li l-att kien kunsenswali bejn pari qrib fl-età u fil-livell ta’ żvilupp, mingħajr evidenza ta’ abbuż fiżiku jew psikoloġiku. Għaldaqstant, applikat id-dispożizzjoni tal-Artikolu 204C(3) tal-Kodiċi Kriminali li tippermetti tnaqqis fil-piena f’ċirkostanzi bħal dawn.
Il-liġi tgħid li “Kull min jippartecipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna ta’ taht is-16-il sena jeħel, meta jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn ħames snin sa 10 snin.” Il-liġi tgħid ukoll li “Kull min, joffendi l-pudur jew il-morali, b’egħmil li jsir f’lok pubbliku, jew f’lok espost għall-pubbliku, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija għal żmien mhux iżjed minn tliet xhur u multa.”
Dispożizzjoni tal-liġi tgħid ukoll li “meta l-għemil ikun kunsenswali bejn il-partijiet, li jkunu qrib
fl-età u fil-livell ta’ żvilupp u sa fejn l-atti ma jkunux jinvolvu abbuż fiziku u, jew psikoloġiku, il-piena għandha titnaqqas bi grad jew żewġ gradi.”
Bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-akkużat ikun jista’ jibbenifika minn piena li fl-għajnejn tal-Qorti hija wahda iktar ġusta kif ukoll riformattiva. Għalhekk il-Qorti irriflettit l konklużjoni tal-Uffiċjal tal-Probation Sarah Kerstin Bezzina fil-piena li tagħat.
Il-Qorti tat piż ukoll lir-rimors muri mill-imputat, il-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija u l-fatt li jbati bil-kundizzjoni ta’ ADHD. Ġiet ikkunsidrata wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Uffiċjal tal-Probation biex tingħata Ordni ta’ Servizz fil-Komunità.
Fid-dawl ta’ dan kollu, minflok piena ta’ ħabs effettiva, il-Qorti imponiet Ordni ta’ Servizz fil-Komunità u Ordni ta’ Trattament sabiex l-imputat jibqa’ taħt superviżjoni u jkompli jindirizza l-kundizzjoni tiegħu b’għajnuna professjonali. Il-Qorti enfasizzat li l-għan tal-piena għandu jkun mhux biss punittiv iżda wkoll riformattiv u preventiv, biex jiġi żgurat li l-imputat ma jerġax jikkommetti reati simili.
In oltre, il-Qorti poġġiet lill ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal ħames snin liema ordni għandha tifforma parti integrali mis-sentenza. Imponiet ukoll fuq l-imputat għal Ordni ta’ Trażżin a favur il-parte civile għal żmien tliet snin.
Il-Qorti spjegat ukoll fi kliem sempliċi r-riperkussjonijiet jekk dawn l-ordnijiet ma jiġux obduti.
Finalment, ordnat ukoll lill-imputat jħallas l-ammont ta’ €442.27 rappreżentanti l-ispejjeż peritali
naxxenti minn din il-kawża. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Jennifer Polidano u l-Ispettur Marshal Mallia.


