Internazzjonali

Jiżdied l-inkwiet dwar konflitt bejn l-Istati Uniti u l-Iran

Is-sorsi fil-Lvant Nofsani qed jinkwetaw li l-Istati Uniti u l-Iran jistgħu huma eqreb ta’ gwerra milli qed ikun indikat fil-media…Dan ukoll meta konflitt fuq din l-iskala kapaċi jheżżeż lir-reġjun kollu għal xhur konsekuttivi, b’konsegwenzi diżastrużi għas-swieq internazzjonali.

U filwaqt li l-Iran, illum, qed jindika flessibbiltà fin-negozjati dwar il-programm nukleari tiegħu, it-Tmexxija f’Washington mhix ‘kuntenta jew konvinta’ dwar kif  għaddejjin in-negozjati – bil-President Amerikan Donald Trump jindika li l-għażla militari għadha fuq il-mejda u li hu ‘qed jitlef is-sabar mal-Iranjani’.

L-analisti li qed jevalwaw teatru tal-gwerra potenzjali fir-reġjun tal-Golf qablu li kwalunkwe kampanja militari ġdida min-naħa tal-Istati Uniti għandha tkun waħda massiva u totali – speċjalment mal-wasla tat-tieni aircraft carrier u numru ieħor ta’ bnastimenti tal-gwerra fl-ibħra ‘il barra mill-Iran.

Dan meta l-kampanja militari potenzjali tal-Istati Uniti għandha tkun bil-wisq aktar intensiva u impenjattiva mill-azzjoni ta’ ġimgħat ilu, meta l-qawwiet speċjali Amerikani kienu daħlu fil-Veneżwela biex jaħtfu lill-President Nicolas Maduro u martu.

Hemm ukoll indikazzjonijiet li l-gwerra ‘mistennija’ kontra l-Iran għandha tinkludi wkoll lil Iżrael li diġà kien involut fil-konflitti militari mal-Istat fundamentalista.

L-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran, għandu jqis gwerra fuq din l-iskala bħala ġlieda għall-eżistenza ta’ pajjiżu bħala Stat Iżlamiku u żgur  mhux mistenni li jżomm lura bil-feroċità tar-reazzjoni.

Fil-fatt, ir-reazzjoni tal-Iran għal xi offensiva ġdida fuq artu għandha tkun  ħafna akbar mill-azzjonijiet ta’ waqt il-gwerra ta’ Ġunju li għadda ma’ Iżrael li damet għal 12-il jum…Gwerra li ntemmet ftit wara li l-Istati Uniti intervjeniet b’attakki fuq il-faċiitajiet nukleari tal-Iranjani li jinsabu taħt l-art.

L-analisti, sadanittant, qed jinwetaw li gwerra hekk qalila bilfors li jkollha influwenza drammatika fuq ir-reġjun tal-Golf u l-Lvant Nofsani kollu — minbarra li tħalli wkoll implikazzjonijiet kbar għat-tlett snin li fadal tal-Presidenza ta’ Donald Trump.