Lokali Qorti

Kundannat għal erba’ snin ħabs wara li ammetta ksur ta’ kundizzjonijiet tal-bail

Luke Cremona ta’ 22 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat għal terminu komplessiv ta’ erba’ snin priġunerija wara li ammetta li kiser kundizzjonijiet ta’ żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Il-każ instema’ quddiem il-Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech. L-imputat kien akkużat li fil-3 ta’ Lulju 2025, fost dati oħra, kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti fuqu minn żewġ digrieti separati tal-Qorti, wieħed mogħti fil-11 ta’ Ġunju 2024 u ieħor fis-17 ta’ Settembru 2024.

Barra minn hekk, kien akkużat li wettaq reat waqt li kien għaddej il-perjodu ta’ sentenza sospiża mogħtija fit-30 ta’ Mejju 2025, kif ukoll li rrenda ruħu reċidiv. Waqt is-seduta tal-20 ta’ Jannar 2026, Cremona ammetta l-akkużi. Il-Qorti wissietu formalment dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu u tatlu żmien sabiex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu, iżda huwa kkonferma l-ħtija.

Fil-kunsiderazzjonijiet dwar il-piena, il-Qorti qieset il-fedina penali xejn feliċi tal-imputat, li minkejja l-età żagħżugħa tiegħu diġà serva sentenzi ta’ ħabs. Ġie nnutat li l-imputat wera nuqqas ta’ rispett lejn ordnijiet tal-Qorti u li diġà kien instab ħati fil-passat li kiser kundizzjonijiet ta’ bail, mingħajr ma tgħallem minn dawn l-esperjenzi.

Għaldaqstant, il-Qorti kkundannatu għal sentejn priġunerija fuq l-akkużi preżenti, bil-ħin li għamel taħt arrest preventiv jitnaqqas mit-terminu. Barra minn hekk, ġiet ordnata l-konfiska ta’ €1,000 depożitu relatat ma’ digriet ta’ ħelsien mill-arrest tal-11 ta’ Ġunju 2024 u €2,000 garanzija personali relatata ma’ digriet tas-17 ta’ Settembru 2024, kif ukoll ir-revoka tal-ħelsien mill-arrest f’dawk il-proċeduri.

Peress li r-reat twettaq waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża ta’ sentejn, il-Qorti ordnat li din tiddaħħal fis-seħħ. B’hekk, Cremona se jkun qed jiskonta terminu komplessiv ta’ erba’ snin ħabs. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.