Lokali Qorti

L-aħħar parti tal-proċeduri, qabel jibda ġuri

Resqin lejn tmiemhom il-proċeduri fil-konfront ta’ żewġ kuntratturi, li qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-mewt traġika ta’ Miriam Pace, li mietet mirduma taħt it-tifrik ta’ darha stess fl-2020.

It-traġedja seħħet meta waqa’ bini waqt li kien qed isir xogħol ta’ tħaffir f’sit biswit id-dar tal-vittma – fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun.

Iż-żewġ kuntrattaturi – Ludwig Dimech u Nicholas Spiteri – ma kinux ammettew l-akkużi kontrihom b’rabta mal-każ, bl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali joħroġ tliet att t’akkużi biex jgħaddu ġuri.

L-akkużi huma ta’ omiċidju involontarju, ħsara involontarja fid-dar tal-koppja Pace u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti tal-bini.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, semgħet it-trattazzjoni tal-eċċezzjonijiet taż-żewġ kuntratturi u ċaħdithom kollha, għajr għal waħda minn Nicholas Spiteri biex jitneħħew xi dokumenti li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

L-Imħallef ordnat li l-kawża tiġi differita sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, li jistgħu jressqu l-partijiet skont il-liġi.

B’rabta mal-każ, kienu diġà tressqu l-Qorti żewġ periti, li nstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, u, fl-2021, il-Maġistrat Joe Mifsud kien ikkundannahom multa u xogħol fil-komunità – għalkemm, wara l-appell, tnaqqsulhom għal sentenzi sospiżi.

Issa, l-istennija hi biex it-tnejn l-oħra jgħaddu ġuri b’rabta ma’ dan il-każ traġiku li kien ixxoka pajjiż.