L-aħħar taħditiet dwar it-tmiem tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja intemmu mingħajr l-ebda żblokk jew żvilupp partikulari.
It-taħditiet li konkludew f’Ġinevra saru fuq livell trilaterali bl-inklużjoni tal-Istati Uniti bħala medjatur u meta sa mill-bidunett ma kienx hemm wisq tama li l-battalji fl-Ukrajna jistgħu jonqsu fi żmien meta l-gwerra dieħla fir-raba’ sena tagħha.
Id-delegazzjonijiet tal-Ukrajna u r-Russja, wara t-taħditiet, żvelaw li n-negozjati f’Ġinevra kienu wisq diffiċli, anki jekk ir-Rappreżentant Amerikan , Steve Witkoff, esprima ftit tal-ottimiżmu dwar il-futur.
Ir-Russja u l-Ukrajna jinsabu ‘il bogħod ħafna rigward issues relatati mat-territorju u l-kundizzjonijiet importanti għall-waqfien tal-gwerra.
Madankollu, iż-żewġ naħat indikaw li għandha ssir laqgħa oħra mill-aktar fis.
Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, irrefera għad-differenzi fil-pożizzjonijet ta’ pajjiżu u tar-Russja waqt li kkundanna lill-qawwiet tal-Kremlin għall-attakki kontinwi fuq il-faċilitajiet li jiġġeneraw l-enerġija għall-poplu Ukren….Attakki li komplew anki waqt li kienu qed isiru n-negozjati f’Ġinevra.
L-aħħar diskussjonijiet segwew it-taħditiet trilaterali (u wkoll inkonklussivi) tax-xahar li għadda f’Abu Dhabi – liema eżerċizzju kien l-ewwel wieħed bis-sehem tar-Rappreżentanti tar-Russja, l-Ukrajna u l-Istati Uniti mindu l-Armati tar-Russi qasmu l-fruntiera lejn l-artijiet Ukreni fl-24 ta’ Frar tal-2022.
//= $special ?>

