Lokali Qorti

Liberata mill-pussess aggravat tad-droga

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, illiberat mara minn akkuża ta’ pussess aggravat ta’ cannabis wara li kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tagħha. Madankollu, hija nstabet ħatja ta’ pussess sempliċi ta’ cannabis u kokaina u ġiet ikkundannata tħallas penali ta’ €140.

Il-każ imur lura għat-22 ta’ Novembru 2015 meta l-pulizija wettqu raid f’garaxx fi Triq il-Qatta, is-Swieqi, wara informazzjoni anonima dwar attività suspettuża. Fil-post instabet l-imputata flimkien ma’ persuna oħra. Minn tfittxija li saret fuqha u fil-proprjetà tagħha, instabu 14.18 grammi cannabis u 0.52 grammi kokaina, flimkien ma’ oġġetti relatati mal-użu tad-droga bħal crushers u rolling papers. Instabu wkoll €100 fuq il-persuna tagħha u €1,500 fil-kamra tas-sodda tagħha.

Ir-rapport xjentifiku tal-espert ikkonferma n-natura u l-piż tas-sustanzi, filwaqt li esperta oħra kkonfermat li l-imputata kienet ilha snin tbati minn dipendenza severa fuq il-cannabis u kienet tabbuża wkoll mill-kokaina fiż-żmien rilevanti.

Il-Qorti analizzat bir-reqqa jekk il-kwantità ta’ cannabis misjuba kinitx tindika pussess aggravat. Filwaqt li 14.18 grammi mhumiex ammont żgħir, il-Maġistrat osservat li l-ammont waħdu mhux biżżejjed biex jiġi konkluż li kien hemm intenzjoni ta’ traffikar. Ma nstabet l-ebda prova konkreta ta’ bejgħ jew spacc, ma ġiet ippreżentata l-ebda informazzjoni mill-mobile phones elevati, u l-prosekuzzjoni naqset milli torbot is-somma ta’ flus ma’ xi attività illegali.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qieset li ma kienx hemm provi biżżejjed biex tikkonkludi li l-cannabis ma kinitx għall-użu personali tagħha u għalhekk illiberatha mill-akkuża ta’ pussess aggravat. Min-naħa l-oħra, is-sejba fiżika tas-sustanzi kienet biżżejjed biex tinstab ħatja ta’ pussess sempliċi kemm tal-cannabis kif ukoll tal-kokaina.

Meta waslet biex tiddetermina l-piena, il-Qorti tat piż sostanzjali lill-fatt li l-imputata kellha fedina penali netta u li minn meta bdew il-proċeduri hija għaddiet minn programm ta’ rijabilitazzjoni quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga, liema programm temmitu b’suċċess. Ġie nnutat ukoll li llum hija riformat ruħha, iggradwat mill-Università ta’ Malta u qed tipprattika l-professjoni tagħha.

B’kunsiderazzjoni tal-emendi leġiżlattivi li daħlu fis-seħħ wara li nbdew il-proċeduri u tal-kwantitajiet involuti, il-Qorti imponiet penali ta’ €140 li trid titħallas fi żmien xahar. Ġiet ordnata wkoll tħallas l-ispejjeż tal-esperti li ammontaw għal aktar minn €800, filwaqt li l-flus elevati u l-mobile phones ġew ordnati jiġu rrilaxxati lilha. Id-droga u l-oġġetti relatati magħha ġew ordnati jinqerdu ladarba s-sentenza ssir finali.

Is-sentenza tenfasizza għal darb’oħra li l-kwantità tad-droga waħedha mhux dejjem biżżejjed biex tikkostitwixxi pussess aggravat, u li l-Qorti trid tikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ qabel tasal għall-konklużjonijiet tagħha. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.