Żagħżugħ ta’ 23 sena ma nstabx ħati li tajjar tifel li kien sejjer l-iskola f’Bormla minħabba li dan qasam minn angolu fejn is-sewwieq ma setax jarah. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, madankollu skwalifikat mis-sewqan għal sena lil Kyle Micallef u mmultatu €2,329 wara li sabitu ħati li kien qed isuq karozza mingħajr polza tal-assigurazzjoni.
Il-każ seħħ minn inċident li ġara fil-31 ta’ Jannar 2024 fi Triq l-Oratorju, ġewwa Bormla – meta tifel ta’ 12-il sena kien qiegħed fi triqtu għall-iskola. Skont ix-xhieda, in-nannu tat-tifel waqqfu ftit ’il fuq mill-waqfa tal-linja, u meta niżel it-tifel qabad qasam it-triq minn post li ma kienx faċli biex is-sewwieq jarah.
Ix-xhieda tat-tifel u n-nannu tiegħu allegaw li l-karozza kienet tajritu kienet qed issuq b’veloċità eċċessiva u li t-tifel kien tar metru u spiċċa weġġa’ ħafif, b’kiser idu x-xellugija. Madankollu, l-imputat qal li kien qed isuq b’veloċità ta’ madwar 20 km/h, u li t-tifel qasam il-karozza minn wara ċint li hemm fit-triq, u li hu ma kellux ċans jagħfas il-brejk.
Hu sostna li jekk kien qed isuq b’veloċità għolja, il-ħsara kienet tkun ħafna iktar serja. Il-Qorti qieset li t-tifel qasam minn parti tat-triq li kienet diffiċli biex is-sewwieq jarah. Għalhekk, ma setgħetx tqis li l-imputat saq b’mod traskurat jew b’negligenza lejn it-tifel.
Madankollu, il-Qorti nnota li l-karozza kienet mingħajr polza tal-assigurazzjoni u li l-imputat kellu 21 sena waqt li l-assigurazzjoni kienet koperta biss għal persuni ta’ aktar minn 25 sena. B’hekk, Kyle Micallef nstab ħati biss li saq karozza bla polza tal-assigurazzjoni, ġie mmultat €2,329 u skwalifikat mis-sewqan għal sena.
//= $special ?>

