Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni
Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet
u l-Ġlieda Kontra l-Faqar
Il-kampanja tal-Ġustizzja Soċjali llum se tkun dominata mill-kantanta Taljana Annalisa Minetti, fejn fid-9:30am se tkun fis-Sala tal-Komunità tal-Kunsill Lokali Mosta biex magħha jaqsmu ftit ħsibijiet diversi NGO’s u individwi oħra.
Annalisa Minetti hija magħrufa bħala attivista impenjata fil-qasam tal-ġustizzja soċjali, persuna li minkejja d-diżabbiltà tagħna għażlet li tagħti leħen lil dawk li spiss jibqgħu fis-skiet. Il-ħidma tagħha hija msejsa fuq prinċipji sodi ta’ ugwaljanza, rispett u dinjità umana, b’enfasi partikolari fuq il-ħarsien tad-drittijiet tal-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Id-diffikultajiet relatati ma’ saħħitha u n-nuqqas ta’ dawl li tbati minnu ma xekkluhiex mill-impenn tagħha fis-soċjetà u milli tkompli tkabbar u tferraħ lil oħrajn bit-talenti tagħha.
Ġustizzja soċjali tinbena b’azzjonijiet konkreti
Sa mill-bidu tal-impenn tagħha, Annalisa emmnet li l-ġustizzja soċjali mhijiex kunċett astratt, iżda realtà li trid tinbena kuljum permezz ta’ azzjonijiet konkreti. Hi taħdem mill-qrib ma’ individwi u komunitajiet li jiffaċċjaw diffikultajiet soċjali, edukattivi u ekonomiċi, u tistinka biex dawn il-persuni jingħataw mhux biss għajnuna immedjata, iżda wkoll opportunitajiet reali għal futur aħjar. Dak li jiddistingwi lil Annalisa minn oħrajn huwa l-approċċ uman tagħha.
Għaliha, kull persuna għandha storja, valur u potenzjal. Din il-fehma tidher b’mod ċar fil-mod kif tisma’, tifhem u taġixxi. Hija temmen li s-smigħ huwa l-ewwel pass lejn il-bidla, u li soluzzjonijiet sostenibbli jistgħu jinstabu biss meta s-soċjetà tkun lesta tifhem ir-realtajiet differenti ta’ dawk li jgħixu fiha.
Il-ħidma tagħha tinkludi wkoll sensibilizzazzjoni u edukazzjoni. Annalisa taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar inġustizzji soċjali li ħafna drabi jiġu aċċettati bħala normali. Permezz ta’ diskussjonijiet, inizjattivi komunitarji u kollaborazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet oħra, hi tħeġġeġ lis-soċjetà biex tħares b’għajnejn ġodda lejn il-faqar, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ opportunitajiet.
Għal Annalisa Minetti, il-ġustizzja soċjali tfisser ukoll responsabbiltà kollettiva. Hi temmen li kulħadd għandu rwol x’jaqdi, kemm jekk bħala edukatur, ġenitur, mexxej jew ċittadin. Il-messaġġ tagħha huwa ċar: bidla vera ma sseħħx waħedha, iżda titwieled mill-impenn ta’ ħafna li jaħdmu flimkien. L-attiviżmu tagħha mhuwiex imqanqal minn rikonoxximent personali, iżda minn sens qawwi ta’ missjoni. Annalisa tibqa’ persuna li, minkejja l-isfidi, temmen fit-tama u fil-possibbiltà ta’ soċjetà aktar ġusta. Il-ħidma tagħha tkompli tispira lil oħrajn biex ma jibqgħux indifferenti u biex jagħżlu li jkunu parti mill-bidla li tant hemm bżonn.
Kantanta b’talent kbir u attiva wkoll fl-isport
Għal dawk midħla tax-xena mużikali Taljana, Annalisa Minetti hija isem magħruf, u maħbub, kantanta ta’ talent kbir li rnexxielha tmiss il-qlub b’leħinha u bil-kanzunetti tagħha mimlija emozzjoni. Magħrufa għall-parteċipazzjoni tagħha f’festivals prestiġjużi bħal Festival ta’ San Remo. Hija r-Rebbieħa ta’ dan il-Festival fl-1998 bil-kanzunetta ‘Senza te o con te’ fl-1998. Din il-kanzunetta għamlitha waħda mill-aktar vuċijiet memorabbli tal-mużika Taljana tas-snin 90.
Dan mhux kollox, għax Minetti hija wkoll attiva fil-qasam sportiv, hi atleta ewlenija fi ħdan it-team Para Olimpiku Taljan u minn żmien għal żmien tidher ukoll fi programmi televiżivi fuq l-istazzjonijiet nazzjonali Taljani. Dan biex dejjem twassal messaġġ ta’ tama u pożittività lis-segwaċi tagħha.
B’hekk illum ukoll hija okkażjoni oħra sabiex titqajjem kuxjenza u tissaħħaħ il-vuċi tal-Ġustizzja Soċjali f’pajjiżna, l-aktar ta’ dawk vulnerabbli u baqgħu lura fil-ħajja.
Minbarra diversi intervisti, konferenzi stampa u laqgħat oħra, se jkun hemm iċ-ċans ukoll li dawk preżenti jkellmu lil Annalisa Minetti fis-Sala tal-Komunità tal-Kunsill Lokali Mosta, illum fid-9:30am
Għada filgħodu konferenza Nazzjonali fil-Parlament ta’ Malta
Diversi kelliema sejrin jirrakkuntaw kif il-proċessi istituzzjonali spiss huma ’l bogħod mir-realtà ta’ min ibati.
Il-konferenza għada tinfetaħ u tingħalaq mill-President tal-Kamra Dr Anglu Farrugia, u l-kelliema għal din is-sena huma Vanessa Mifsud Partanier fejn bħala ġenitur sejra titkellem dwar sfidi tat-tfal b’diiżabbiltà, Michael Debattista dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Persuni b’diżabbiltà, Aldo Calleja dwar ir-riskji u d-detriment tas-saħħa fiżika u mentali, Anna Marija Baldacchino dwar tniġġis mill-istorbju, Doreen Mamo dwar sfidi ta’ saħħa mentali, Marika Borg Writh dwar sfidi soċjali fil-Komunità Maltija, Michael Sammut dwar regola-menti tal-Kirjiet u l-Anzjani, Emanuel Calleja dwar il-ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn jidħlu d-Djar, Albert Cilia Vincenti dwar anomalija fil-Pensjonijiet, Anthony Degiovanni dwar l-Anzjani u Anatole Baldacchino dwar l-inġustizzja li saret mal-vittmi tat-Thalidomide.
L-għeluq issir minn żewġ membri ta’ kull naħa tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Għada l-Jum jiftaħ b’Quddiesa fil-Knisja tal-Vitorja l-Belt Valletta mill-Isqof Ġorġ Frendo, Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durres fl-Albanija. Dan hu mument spiritwali li jservi ta’ spazju u meditazzjoni qabel diskussjoni umana li poġġiet fil-qalba tagħha l-esperjenzi ta’ bnedmin li se jġibu magħhom weġgħa, fejn waqt il-ħin tal-offertorju tiġi preżentata simboli-kament fuq l-artal tas-sagrifiċċju.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar din il-kampanja Ġustizzja Soċjali għandu jċempel 99450877 jew 99680020. Matul din il-ġimgħa, In-Nazzjon se jżommna aġġor-nati dwar dak kollu li jkun għaddej.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 18 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

