Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
Jekk naraw is-settur tas-Saħħa b’mod ġenerali f’Malta u Għawdex, naraw sitwazzjoni fejn id-domanda tant hija kbira per konsegwenza ta’ ħafna fatturi, fosthom iż-żieda fil-popolazzjoni, li nies saru iżjed konxji ta’ saħħithom, jirrikorru għall-aktar servizzi.
Sadattant is-settur tas-Saħħa mhux qed jiġi attrezzat b’infrastruttura adegwata… dan hu Gvern li naqqas ħafna milli jkollna infrastruttura adegwata.
Inħobb intenni stqarrija qawwija… dik li pajjiżna ma għadux ta’ sptar wieħed ġenerali Malta. Ma nistgħux inlaħħqu mad-domanda ta’ influs ta’ pazjenti bl-istess Sptar Mater Dei li bena l-Gvern Nazzjonalista qabel l-2013; qabel tela’ Gvern Laburista li wiegħed li se jkollna sptar state of the art u minflok spiċċa biegħ tliet sptarijiet pubbliċi… dak tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Ġenerali f’Għawdex u l-Isptar Karin Grech.
Ma ninsewx li mill-wegħdiet tal-Gvern Laburita ma rajna xejn ħlief pjanti u taparsi ħa nagħmlu l-ewwel ġebla u l-ewwel ġebla qatt ma bdiet.
Listi twal ta’ operazzjonijiet jistennew
Il-poplu Malti qed ibati l-konsegwenzi għaliex? Għaliex illum għandna listi twal ta’ operazzjonijiet jistennew, għandek outpatients qed ifur għax mhux qed ilaħħaq mad-domanda tan-nies li jirrikorru ta’ kuljum, aktar minn ħames mitt appuntament.
Għandek l-Emerġenza li nisimgħu stejjer kbar dwarha, nies li jattendu u jistennew għaxar sigħat, li jidħlu filgħaxija u joħorġu l-għada filgħodu u dan hu kollu riżultat għax dan il-Gvern ma ppjanax.
Fis-Saħħa, biex ikollok healthcare tajba, trid tippjana u tippjana mhux minn ġurnata jew minn ġimgħa qabel imma minn snin qabel.
Illum għaddew iktar minn tnax-il sena ta’ Gvern Laburista u ma għandna xejn ta’ infrastruttura aktar milli kellna qabel l-2013… jiġifieri n-nuqqas jinħass across the board.
Għandna lil Għawdex imwiegħed sptar ġdid, iżda hu sigriet magħruf li l-Gvern Laburista qed iraqqaq ’l hemm u ’l hawn. Jirranġa sala ’l hemm u sala ’l hawn. Dan mhux dak li l-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna.
Pazjenti anzjani jistennew is-snin
Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna li meta jmur biex jingħata servizz u kura jingħata, dan is-servizz jingħata f’ħinu u f’waqtu. Il-pazjent jistenna li ma jistenniex xhur jew anke snin biex ikollu u ssirlu l-operazzjoni li jkollu bżonn. Il-pazjenti jippretendi li ma jistenniex xhur u snin biex ikollu appuntament fl-Outpatients meta għadu ħa jiġi investigat biex jindunaw x’kundizzjoni għandu wara li kien riferut mit-tabib tal-familja jew mill-klinika fejn attenda oriġinarjament.
Għalhekk dawn huma nuqqasijiet li qed ibatu bihom l-anzjani tagħna. L-anzjani tagħna x’għandhom bħala prijorità? Il-prijorità numru wieħed f’ħajjithom s-saħħa u l-kura tagħhom.
Dawn qegħdin fiż-żmien li hu. Fl-aħħar snin biex igawdu u naħseb is-saħħa hija l-prijorità assoluta li għandhom ikollhom. Iżda din qed tasal għandhom kif mixtieqa u meta mitluba? Qed tasal f’ħinha u f’waqtha jew inkella għandna anzjani li qed jistennew hip replacement jew knee replacement għal xhur?
Qed tasal għandhom meta jmorru biex ikollhom mediċini adattati għall-kura tagħhom u ma jsibuhomx fuq il-karta s-safra, mill-POYC, fuq il-lista li l-Gvern suppost li jipprovdi.
Meta dawn ikollhom bżonn jaraw konsulent, iridu jistennew xhur! Jaffordjaw l-anzjani tagħna li jmorru fil-privat u jħallsu konsulta ta’ €80/€90 meta dan se jaffettwawlhom mill-pensjoni tagħhom u probabbilment li jispiċċaw jiċċaħħdmu affarijiet oħra, bħall-ikel, il-kwalità tal-ħajja biex jgħixu!
Wegħdi importanti mill-PN
Hawnhekk nemmen li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qiegħed diġà jaħseb fuq dawn l-affarijiet u ressaqna proposti b’saħħithom, pereżempju, li l-anzjani tagħna jkollhom prijoritajiet fil-list, jiġifieri l-anzjani tagħna aħna nagħrfu li ma jistgħux jistennew ħafna snin jew xhur biex ikollhom intervent kirurgu.
Għalhekk nappuntaw bord mediku u soċjali, f’dan il-każ biex naraw kif qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn l-anzjani tagħna, u jkollhom prijorita fil-listi.
Hekk dawn ma jistennewx dawk ix-xhur jew is-snin kollha. Hemm differenza bejn wieħed li għandu erbgħin/ħamsa u erbgħin sena li jistenna ċertu ammont ta’ ħin u xi ħadd li għandu tmienja u sebgħin sena/seba’ u sebgħin sena.
Fuq il-mediċini aħna qed nipproponu li l-anzjani tagħna jkollhom l-aħjar kura possibbli u għalhekk iva noffrulhom dak li għandhom bżonn.
Il-mediċini ġenerli li qed jingħataw il-pazjenti
Forsi hawnhekk xi ħadd jistaqsi dwar x’inhi eżattament is-sitwazzjoni dwar il-mediċini ġeneriċi li l-Gvern qed jagħti lill-pazjenti tagħna?
Inwieġeb billi ngħid li jien irrid nagħmel l-istatement tiegħi b’mod mediku.
Il-mediċini ġeneriċi li jingħataw fuq il-POYC huma l-way forward. Irridu naħdmu b’mediċini ġeneriċi li naturalment il-prezz tagħhom ivarja ħafna minn dawk il-mediċini li huma oriġinali, għax dawk huma marbutin bil-patent, tar-riċerka li għamlu, tal-istudju li għamlu, ta’ kemm stennew żmien biex ġew approvati fis-suq.
Dan il-Gvern mhux jgħid li huwa importanti ħafna li jkollna mediċini ġeneriċi ta’ kwalità għax hemm ġeneriċi u ġeneriċi u lill-pazjenti tagħna għadnu joffrilhom l-aħjar mill-mediċini ġeneriċi fuq il-POYC.
Mhux talli hekk, talli dan il-Gvern qed jagħmel il-bandiera tiegħu bil-ġeneriċi għax qed jgħid li huma affordabbli u orħos, imbagħad issib li għandek lista ta’ aktar minn mitt mediċina li bil-legal notice li ħareġ xhur ilu, ftit wara l-Baġit, għolew €2/€3 aktar… għall-konsumaturi u inkluż għall-anzjani tagħna.
Meta tmur tixtri l-mediċina tagħraf li din mhix xi kapriċċ. Lanqas biss tinduna li l-mediċina għolietlek għax ikollok bżonn tixtriha. Meta tkellimna fuq is-sigaretti ftit ilu, kulħadd induna li għolew għaxar ċenteżmi.
Prezzijiet ogħla għall-mediċini
Il-mediċini tant huma bżonn, tant huma essenzjali li ma tistax tgħix mingħajrhom tant li int ikollok bilfors tixtri l-mediċina li jkollok bżonn anki bi prezz għoli.
Gvern Nazzjonalista alternattiv għal dan il-Gvern Laburista li għeja ħa nassiguraw stabbilità; stabbilità fil-prezzijiet tal-mediċini, għax hekk jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi.
L-istabbiltà ma tixraqx biss meta l-Gvern qagħad jiftaħar li se joħloq stabbiltà fuq il-prezzijiet tal-laħam, tal-qarabali jew tal-ħaxix fi żmien il-Covid-19. Niftakruha din?
Aħna rridu noħolqu stabbiltà anke fil-qasam mediku; anke fejn jidħlu l-mediċini. Importanti li aħna naċċertaw l-aħjar fuq il-formolarju… mediċini ġeneriċi tal-aħjar kwalità u li ma ngerfxux lill-anzjani tagħna li kull xahrejn inbiddlulhom il-kaxxa… filli kaxxa blu, filli kaxxa oranġjo, filli kaxxa ħadra u lil dawn infixkluhom. Tkun l-istess mediċina b’varjazzjoni differenti tal-ġeneriċi.
Hemmhekk mhux noħolqu serħan il-moħħ li dawn mhux qed jitfixklu, mhux qed jindunaw li dik hi mediċina l-istess bħak dik li kienu qed jieħdu. Xi drabi jaħsbuha li hi mediċina differenti.
Aħna l-viżjoni tagħna fis-Saħħa, b’mod speċjali dik diretta lejn l-anzjani u lejn il-pensjonanti tagħna hi viżjoni li se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni.
Ngħinu lill-anzjani
Nemmnu ħafna li dawn il-persuni għandhom bżonn li aħna ngħinuhom; l-Istat jgħinhom b’garanzija li meta se jiġu bżonn is-servizzi u l-mediċini, u anki interventi kirurġiċi jew inkella interventi oħrajn, se jsibuhom u jsibuhom fl-iqsar żmien possibbli.
Aħna fil-Gvern u fit-Tmexxija tal-pajjiż se nagħtu prijorità kif jixraq lil dawn il-persuni; lill-anzjani tagħna li taw sehemhom diġè lis-soċjetà bix-xogħol u s-servizzi li huma wettqu tul il-ħajja tagħhom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

