Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
L-edukazzjoni hija spiss mifhuma bħala mezz ta’ opportunità, żvilupp personali u aċċess soċjali. Madankollu, wara din id-deskrizzjoni wiesgħa, pożittiva u ottimsita daqskemm tista’ (u għandha) tkun, hemm realtà aktar kumplessa: is-sistemi edukattivi ħafna drabi jirriflettu u saħansitra jirriproduċu l-inugwaljanzi li jeżistu fis-soċjetà.
Din hija realtà qawwija li rridu nifhmu, naċċettaw u nindirizzaw. Fl-istess waqt imma, ma rridu qatt ninħbew wara dan il-fatt bħala skuża għan-nuqqasijiet fis-sistema edukattiva. F’Malta, diversi rapporti u studji juru li s-sistema edukattiva mhijiex eċċezzjoni u bosta drabi tonqos milli tkun ugwali biżżejjed għaliex spiss tirrifletti d-differenzi soċjali u ekonomiċi li jeżistu fil-pajjiż.
F’dan l-artiklu, għandi l-intenzjoni li nanalizza l-istat tal-ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni Maltija, billi nagħmel ukoll referenza għall-ħidma tal-Prof. Carmel Borg mill-Università ta’ Malta li ġeneralment jiffoka ħafna fuq dan l-aspett, u nqabbel is-sitwazzjoni lokali ma’ dik f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
X’nifhmu meta ngħidu ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni?
Il-ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni tfisser li kull student għandu jkollu aċċess ġust u ekwu għal opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità, irrispettivament mill-isfond soċjali, ekonomiku, kulturali jew familjari tiegħu. Mhux biżżejjed li kulħadd ikollu aċċess għall-iskola (anke hawnhekk għad għandna diversi problemi!); huwa meħtieġ li kulħadd ikollu ċans reali li jirnexxi u jikseb ħiliet li jippermettulu jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja soċjali u demokratika skont l-abbiltajiet tiegħu.
Madwar l-Unjoni Ewropea, ir-riċerka turi li l-istatus soċjoekonomiku jibqa’ fattur determinanti fl-andament edukattiv. Skont ir-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea, l-istudenti minn sfondi żvantaġġati huma ferm aktar probabbli li jkollhom riżultati baxxi fil-qari, fil-Matematika u fix-Xjenza meta mqabbla ma’ oħrajn ekwivalenti fl-età minn familji aktar privileġġjati. Dan juri li l-edukazzjoni, minkejja l-intenzjonijiet tagħha, ħafna drabi tirrifletti l-inugwaljanzi tas-soċjetà usa’. Dan hemm raġuni warajh, għaliex il-familja hija fattur importanti ħafna fit-tifsil u fl-iżvilupp konjittiv tat-tfal waqt li s-sapport kontinwu mogħti mill-ġenituri dejjem ikollu effett pożittiv.
Il-Kuntest Malti: L-isfidi persistenti
F’Malta, minkejja li l-pajjiż jinvesti proporzjon relattivament għoli tal-baġit pubbliku fl-edukazzjoni (madwar 11.3% tal-infiq tal-Gvern fl-2023, ogħla mill-medja tal-UE ta’ 9.6%), ir-riżultati mhux dejjem jirriflettu dan l-investiment.
Iċ-ċifri Ewropej jindikaw li madwar terz tal-istudenti ta’ 15-il sena f’Malta huma taħt il-livell mistenni fil-ħiliet bażiċi. Din hija kwistjoni serja li taffettwa kemm il-futur individwali tal-istudenti kif ukoll il-kompetittività tal-pajjiż. Sal-lum, jidhirli li l-Gvern qiegħed jibqa’ jinjora din ir-realtà u jtajjar il-bandiera tal-vittoja għaliex qed tonqos ir-rata ta’ żgħażagħ li ma jkomplux bl-edukazzjoni wara l-11-il sena.
Barra minn hekk, id-differenzi bejn studenti minn sfondi differenti huma evidenti. Studenti mill-inqas kwartil soċjoekonomiku huma ferm aktar probabbli li jkollhom riżultati batuti meta mqabbla ma’ studenti minn familji aktar stabbli ekonomikament u soċjalment. Din ir-realtà tqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar kemm is-sistema qed tirnexxi fil-missjoni tagħha ta’ ugwaljanza.
Is-sistema edukattiva Maltija hija wkoll maqsuma bejn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti (privati). Studji lokali jindikaw li hemm ċertu livell ta’ segregazzjoni soċjali, fejn familji tal-klassi medja u ogħla spiss jagħżlu skejjel oħra lil hinn minn tal-Istat. Dan iwassal biex l-iskejjel tal-Istat jiffaċċjaw konċentrazzjoni akbar ta’ studenti bi bżonnijiet soċjali u edukattivi differenti, u dan jista’ jżid l-isfidi li diġà jeżistu. Minnu nnifsu, qiegħed joħloq disparità assoluta bejn dawk li jmorru f’tal-Istat u dawk li jmorru fi skejjel oħrajn.
Il-kontribut tal-Profs. Carmel Borg fil-qasam
Il-Prof. Carmel Borg huwa wieħed mill-aktar vuċijiet prominenti f’Malta dwar il-ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni. Ikolli nammetti li huwa vuċi li nsegwi, għaliex jibbaża l-argumenti tiegħu fuq l-evidenza, u l-evidenza għandha tagħtina direzzjoni. Fil-kitbiet u l-interventi pubbliċi tiegħu, huwa jisħaq li l-edukazzjoni mhijiex spazju newtrali, iżda hija marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-istudenti.
Huwa jargumenta li s-sitwazzjoni fl-edukazzjoni hija “mera tas-soċjetà”, fejn il-faqar u l-esklużjoni soċjali jissarrfu f’riżultati akkademiċi batuti. Skont Borg, il-kunċett tal-“meritokrazija” ħafna drabi jaħbi l-fatt li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi jiġu trażmessi minn ġenerazzjoni għal oħra. Meta t-tfal ta’ ġenituri b’livell baxx ta’ edukazzjoni jkollhom probabbiltà ogħla li huma wkoll ma jilħqux livelli għoljin, dan jindika li s-sistema qed tirriproduċi l-inugwaljanza aktar milli tnaqqasha u din isseħħ minn ġenerazzjoni għal oħra.
Borg jappella għal direzzjoni li tmur lil hinn minn miżuri superfiċjali li ħafna drabi jkollhom għan politiku partiġġjan biss. Huwa jisħaq fuq l-importanza ta’ intervent bikri (ktibt dwar dan fil-ħarġa tiegħi tal-ġimgħa li għaddiet), appoġġ u għajnuniet personalizzati, u relazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-iskejjel u l-komunità. Huwa jafferma li l-ġustizzja soċjali teħtieġ ħafna aktar mir-riżorsi finanzjarji għaliex hija wkoll bidla kulturali u pedagoġika li tqiegħed l-inklużjoni u d-dinjità tal-istudent fiċ-ċentru.
Malta ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea
Meta nqabblu lil Malta ma’ pajjiżi oħra Ewropej, naraw li hemm stati li rnexxielhom inaqqsu l-impatt tal-isfond soċjali fuq ir-riżultati edukattivi. Pajjiżi bħall-Estonja, il-Finlandja u l-Irlanda juru li huwa possibbli li studenti minn sfondi żvantaġġati jilħqu livelli għoljin, u dan grazzi għal sistemi inklussivi, għal investiment bla preċedent fl-edukazzjoni bikrija u sapport qawwi lill-għalliema. Ikolli ngħid b’diqa, li f’Malta minkejja l-investiment finanzjarju b’mod ġenerali, mhux nifhmu biżżejjed l-importanza li nintervjenu biżżejjed fl-edukazzjoni bikrija.
Dan ma jfissirx li dawn il-pajjiżi m’għandhomx l-isfidi tagħhom, iżda juri li politika b’viżjoni u bi strateġiji fit-tul tista’ tagħmel differenza sostanzjali. Għal Malta, dan ifisser li hemm lok għal riflessjoni serja dwar kif is-sistema tista’ tkun aktar inklussiva sa mill-aktar livell bikri.
Futur aktar ġust
Jidhirli li l-ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni ma għandhiex tkun ħolma astratta, iżda prijorità konkreta għal soċjetà li trid tkun demokratika u sostenibbli. Qajla norbtu l-kelma ‘sostenibbiltà’ mal-edukazzjoni, imma rridu nibdew naraw kemm qed inkunu sostenibbli bl-investiment edukattiv u x’nieħdu lura minnu.
Fil-kuntest Malti, dan ifisser li rridu nindirizzaw mhux biss ir-riżultati tal-eżamijiet, iżda wkoll il-kundizzjonijiet soċjali li qegħdin jinfluwenzawhom. Fuq kollox, l-edukazzjoni għandha tkun mezz ta’ emanċipazzjoni. Jekk irridu sistema li tassew tagħti opportunità lil kulħadd, irridu npoġġu l-ġustizzja soċjali fil-qalba tal-politika edukattiva tagħna.
Din it-tema tal-ġustizzja soċjali hija tema importanti li se tkun diskussa fil-Parlament nhar il-Ħamis waqt konferenza mtellgħa mill-kollega ħabib tiegħi, il-Membru Parlamentari l-Onorevoli Ivan Bartolo, u li b’unur se nkun qiegħed nindirizza proprju dwar dan is-suġġett.
Jidhirli li l-ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni ma għandhiex tkun ħolma astratta, iżda prijorità konkreta għal soċjetà li trid tkun demokratika u sostenibbli
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 18 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

