Lokali Qorti

Ordni ta’ Probation għal sentejn f’każ ta’ traffikar ta’ droga

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, imponiet ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn wara li sabet lil Alan Caruana, ta’ 36 sena miż-Żejtun, ħati ta’ diversi akkużi relatati mat-traffikar u l-pussess ta’ kokaina u eroina f’każ li jmur lura għal Mejju tal-2016.

Il-proċeduri nbdew wara operazzjoni ta’ sorveljanza mill-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Malcolm Bondin. Fil-5 ta’ Mejju 2016, uffiċjali tal-Pulizija osservaw lill-imputat joħroġ mid-dar tiegħu fiż-Żejtun u jsuq lejn Ħal Tarxien, fejn deher jagħmel kuntatt ma’ Carmelo Bonniċi qrib il-ground tal-futbol. Skont ix-xhieda, il-Pulizija intervjeniet wara li rat kuntatt bl-idejn bejn iż-żewġt irġiel u sabet tliet qratas mitfugħa mal-art, li rriżulta li kien fihom sustanzi suspettati droga.

Mill-analiżi xjentifika mwettqa mill-espert Godwin Sammut irriżulta li s-sustanzi kienu jinkludu kokaina ta’ madwar 1.60 gramma b’purità ta’ madwar 15 fil-mija, eroina f’forma ta’ pasta, kif ukoll 3.57 grammi cannabis. Fid-dar tal-imputat instabu wkoll diversi oġġetti relatati mal-użu u t-tqassim tad-droga, fosthom miżien diġitali, siringi, foil maħruq, kantunieri ta’ boroż tal-plastik u notamenti li jindikaw traffikar.

Il-Qorti kellha tikkunsidra wkoll il-valur probatorju ta’ stqarrija li l-imputat kien ta lill-Pulizija fl-istadju investigattiv, fi żmien meta l-liġi Maltija kienet għadha ma tipprovdix għad-dritt ta’ assistenza legali waqt l-interrogatorju. F’dan il-kuntest, il-Qorti għamlet referenza għal diversi sentenzi kostituzzjonali, fosthom il-kawża Josianne Azzopardi vs Il-Pulizija u oħrajn, kif ukoll għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Philippe Beuze vs il-Belġju.

Il-Maġistrat osservat li minkejja li l-istqarrija kienet tinkludi elementi inkriminanti, din ma kinitx l-unika prova fil-konfront tal-imputat. Il-Qorti qieset li anki mingħajr l-istqarrija, il-provi oġġettivi miġbura mill-Pulizija, inklużi l-osservazzjonijiet diretti tal-uffiċjali, is-sejbiet fuq il-post u r-riżultati tal-espert, kienu biżżejjed biex isostnu sejbien ta’ ħtija.

Fix-xhieda tiegħu, Carmelo Bonniċi ammetta li kien xtara kokaina u eroina mingħand l-imputat dakinhar tal-arrest. Barra minn hekk, diversi professjonisti li ħadmu mal-imputat tul is-snin xehdu dwar il-problema serja ta’ dipendenza tiegħu fuq l-eroina, li kienet ilha teżisti sa minn meta kien għadu żagħżugħ.

Il-Qorti nnutat li matul il-proċeduri l-imputat kien ġie riferut quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga, liema proċess temmu b’suċċess skont nota ppreżentata mill-President tal-Bord fl-2023. Madankollu, dan ma kienx biżżejjed biex ineħħi r-responsabbiltà kriminali tiegħu għall-fatti li seħħew fl-2016.

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti sabet lill-imputat ħati tat-traffikar ta’ kokaina u eroina kif ukoll tal-pussess tagħhom f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. Il-Qorti ordnat l-ħlas tal-ispejjeż tal-esperti skont il-liġi.

Ġiet ordnata wkoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tas-somma ta’ €395.10 esebita. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ordnat ir-rilaxx favur l-imputat tal-mobile phones esebiti. Il-ħati ġie mwissi f’termini ċari dwar il-konsegwenzi legali f’każ li jwettaq reat ieħor matul il-perjodu tal-probation, fejn f’dak il-każ ikun suġġett biex jerġa’ jwieġeb għall-imputazzjonijiet li dwarhom instab ħati.

Barra minn hekk, ai termini tal-Artikolu 533 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti kkundannat lill-ħati jħallas lir-Reġistratur tal-Qorti l-ispejjeż relatati mal-ħatra tal-espert f’dawn il-proċeduri, jiġifieri x-xjenzat Godwin Sammut. Dawn l-ispejjeż jammontaw għal €284.64 u għandhom jitħallsu fi żmien xahar mill-għoti tas-sentenza.