Fil-Qorti Kriminali preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, ikkundannat lil Simon Leyton Rachid għal sentejn ħabs sospiża għal tliet snin flimkien ma’ multa ta’ €1,500 wara li nstab ħati ta’ diversi akkużi relatati ma’ serq, ksur ta’ ordnijiet tal-Qorti, u theddid kontra l-eks partner tiegħu.
Madankollu huwa ma nstabx ħati li bejn il-ġranet tat-18 ta’ Frar, 2023 u d-19 ta’ Frar, 2023, u fil-ġranet preċedenti, f’San Ġiljan u f’inħawi oħra ikkommetta serq ta’ mobile tal-għamla I phone u li kkommetta serq ta’ vettura tal-għamla BMW.
Huwa lanqas ma nstab ħati li fit-18 ta’ Frar, 2023 għall-ħabta tas-1pm, ġewwa Triq Schrieber, San Ġiljan u f’inħawi oħra f’dawn il-gżejjer volontarjament kiser il-bon ordni jew il-paċi pubblika b’għajat u storbju. Lanqas ma nstab ħati fl-istess dati, ħinijiet u ċirkostanzi kiser il-provedimenti tal-libertà kundizzjonata
mogħtija fil-konfront tiegħu b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.
Bħala miżura addizzjonali, ingħatat Ordni ta’ Trażżin favur l-eks sieħba tiegħu għal zmien tliet snin. Ordnat ukoll il-konfiska ta’ depożiti ta’ garanzija li kienu mħallsa f’digrietijiet ta’ ħelsien mill-arrest preċedenti, inkluż €400 u €500, kif ukoll €1,000 bħala garanzija.
Fil-Qorti, ġie trattat il-każ ta’ Leyton Rachid, akkużat b’serq aggravat ta’ vettura tal-għamla BMW u ta’ mobile ta’ Naomi Pace, kif ukoll bi ksur ta’ ordnijiet tal-Qorti u provedimenti ta’ libertà kundizzjonata. L-inċident seħħ bejn it-18 u d-19 ta’ Frar, 2023, wara argument bejn l-imputat u l-eks partner tiegħu, ġewwa lukanda f’San Ġiljan.
Rapport inizjali ingħata mill-persuna li kienet irreġistrata bħala sid tal-vettura, li rrappurtalhom li l-karozza BMW X5 kienet nieqsa. Skont il-kawża, l-eks sieħba tiegħu stqarret li Rachid ħa l-vettura u l-mobile tagħha wara d-diżgwid li kellhom.
Fid-19 ta’ Frar, il-vettura nstabet fil-pjazza tax-Xewkija f’Għawdex waqt li pulizija kienu qed iwettqu clearance għal attività tal-karnival, u Rachid ġie arrestat fuq il-post. Huwa għadda lill-pulizija ż-żewġ ċwievet tal-karozza u l-mobile, li ntbagħtu lura lill-eks sieħba tiegħu.
Matul il-proċedura, l-imputat ammetta li kien juża l-mobile u l-karozza regolarment matul ir-relazzjoni tiegħu mal-mara, iżda enfasizza li dakinhar tal-inċident kienet hi li ħallietlu l-vettura biex imur jixtrilha xi affarijiet, qabel ma nqala’ d-diżgwid. Huwa tenna wkoll li kien mar Għawdex bil-karozza flimkien ma’ żewġ ħbieb femminili u sieħbu.
Ix-xhieda tal-pulizija, inkluż l-Ispettur Keith Xerri u diversi uffiċjali li intervjenew fuq il-post, ikkonfermaw li Rachid kien arrestat u li l-karozza u l-mobile ġew irkupati. Hi spjegat kif l-imputat bagħtilha messaġġi ta’ theddid permezz tal-mobile u li wara l-inċident ħadet lura l-mobile u sabet il-vettura fil-pjazza f’Għawdex.
L-inkjesta kkunsidrat ukoll ir-relazzjoni preċedenti bejn il-koppja, u r-rapporti preċedenti dwar kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest li l-imputat allegatament kien kiser. Il-Qorti ġiet mitluba biex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest, tarresta lill-imputat u tikkundannah għall-ħlas ta’ spejjeż relatati ma’ esperti jew periti jekk ikun hemm ħtija.
Il-Qorti osservat li dan ma kienx l-ewwel inċident fejn Simon Leyton Rachid xellef difrejh mal-ġustizzja. Minn eżami tal-fedina penali tiegħu jirriżulta li l-imputat kien mogħti diversi twissijiet u ċansijiet mill-Qrati permezz ta’ sentenzi ta’ ħabs mhux effettiv, probation kif ukoll libertà kundizzjonata.
Ingħata wkoll il-ħelsien mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet li hu, madanakollu, għoġbu jinjora. Mill-atti proċesswali irriżulta li meta ġie arrestat in konnessjoni mal-inċident, l-imputat kien naqas milli jiffirma l-bail book għal numru ta’ ġranet, meta hu kien obbligat jiffirma kuljum.
Hu tassew inkwetanti kif Rachid ipprova jiġġustifika dan in-nuqqas billi jgħid li kien ma jiflaħx. Mhux talli hekk, talli stqarr li kien qabbad lil ommu iċċempel lill-pulizija biex tgħidilhom li kien ma jiflaħx. Iżda, minkejja li qal li kellu ċertifikat mediku li kien jagħlaq dakinhar tal-arrest tiegħu, il-jum ta’ qabel kien mar mal-parti leża ġewwa lukanda f’San Ġiljan u, skont il-messaġġi telefoniċi esibiti mill-eks partner tiegħu, irriżulta li aktar tard, spiċċa “daħna” ġewwa l-istabbiliment ta’ divertiment, Havana.
Imbagħad sussegwentement, qasam lejn Għawdex fejn, fi kliemu stess, “Tlajna naqra sal-Karnival.” Minflok qagħad għall-ordnijiet tal Qrati li kienu wrew fiduċja fih u kkonċedewlu l-ħelsien mill-arrest pendenti proċeduri penali, Rachid mar Għawdex għall-Karnival fil-ħin li suppost kien id-dar u meta suppost kien marid!
Tali attitudni, qalet il-Maġistrat ta’ spavalderija u nuqqas ta’ rispett fil-konfront tal-awtorità tal-Qorti, kompliet timmanifesta ruħha f’dawn il-proċeduri. Meta din il-Qorti kienet għamlitha ċara li l-kawża kienet qed tiġi differita “għall-provi difiża u trattazzjoni għall-aħħar darba definittivament….”l-imputat naqas milli jidher mingħajr ebda spjegazzjoni u dan wara li kien notifikat fl- awla.
Għal Rachid dehru l-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera.
//= $special ?>

