Il-Partit Nazzjonalista għal darba oħra jtenni t-tħassib tiegħu għall-mod kif il-Gvern Laburista qed jinjora l-aktar sfida strateġika kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna: in-nuqqas serju ta’ ħiliet u ppjanar għas-settur tax-xogħol u l-livelli tal-popolazzjoni. Din mhijiex kwistjoni li qiegħed jitkellem dwarha biss il-PN. Illum għandna rikonoxximent pubbliku, f’rapport wara l-ieħor, minn istituzzjonijiet internazzjonali ta’ fama li jgħidu b’mod ċar u bla tlaqliq li Malta qed tfalli b’mod serju f’dan ir-rigward.
Wara t-twissijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-OECD, dil-ġimgħa waslet ukoll twissija simili lill-Gvern mill-Country Risk Atlas 2026 li qal li t-tkabbir ekonomiku qed ibati minħabba diskrepanza akuta bejn il-ħiliet tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kif ukoll minħabba limitazzjonijiet demografiċi. L-istess rapport jitkellem ukoll dwar kif iż-żieda fl-ispejjeż tal-pagi u l-affordabilità tal-housing qed ikollhom impatt fuq il-kompetittività u l-ekonomija qed tistrieħ wisq fuq il-ħaddiema impurtati. Il-Country Risk Atlas jikkritika wkoll l-iskandli tal-korruzzjoni, l-infurzar dgħajjef tal-liġijiet tal-ippjanar u s-sistema tal-ġustizzja f’pajiżna.
Dan ikompli ma’ dak li qal il-Fond Monetarju Internazzjonali fil-konklużjonijiet tiegħu dwar Malta għall-2025 meta sostna: “the current labour migration approach appears to be a knee-jerk reaction to short-term pressures rather than a well-coordinated workforce strategy.” Fi kliem sempliċi: il-politika tal-Gvern Laburista mhi xejn ħlief reazzjoni ta’ paniku u bla direzzjoni għal problemi li joħolqu huma stess.
Minflok politika ekonomika serja u ppjanata, għandna patch-ups, proposti piecemeal mhux ibbażati fuq studju, data u ppjanar serju. Soluzzjonijiet temporanji li jġibu aktar pressjoni fuq il-pajjiz.
U dan kollu qed iseħħ f’mument meta l-OECD qed twissi b’mod urġenti li Malta mhijiex ippreparata għall-bidliet radikali li ġejjin fid-dinja tax-xogħol. Fl-analiżi tagħha dwar il-ħiliet u s-swieq tax-xogħol f’Malta, l-OECD tindika b’mod ċar li “Malta’s skills development framework is weak and fragmented” u li “lack of data and forecasting hinders effective workforce planning.” Aktar minn hekk, ir-raport jgħid “around 30% of existing jobs in Malta could be significantly affected by AI and automation,” jiġifieri terz tal-impjiegi tal-lum jinsabu f’riskju reali jekk ma jsir xejn issa.
U x’qed jagħmel il-Gvern? Xejn! Qed jinjora dawn it-twissijiet, u jibqa’ jirkeb fuq l-istess mudell ekonomiku li ħafna qed jgħidulu li mhux sostenibbli iżjed.
Il-problema hi waħda fundamentali: l-istrateġija ekonomika tal-Gvern Laburista hija mibnija fuq żewġ pilastri perikolużi: low/no skilled labour-intensive work, u importazzjoni bla pjan ta’ ħaddiema barranin, fejn la jaf x’għandu u lanqas jaf x’ħiliet għandhom. Data tal-Gvern stess turi li aktar minn 71,000 ħaddiem full-time jaqilgħu salarju ta’ inqas minn €12,000 u li żdiedet il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura.
Dan mhuwiex il-futur li jrid il-Partit Nazzjonalista. Fid-dokument “Labour Market Policy: Imsejsa fuq Mudell Ekonomiku Ġdid”, il-Partit Nazzjonalista ressaq sett ċar ta’ miżuri u direzzjoni.
Il-PN iwettaq investiment bla preċedent fil-ħaddiema tagħna. Mhux b’wegħdiet vojta, imma b’azzjoni konkreta: bil-ħolqien ta’ sistema permanenti ta’ Labour Market Study kontinwu, skill mapping tal-ħiliet preżenti, u skill u population levels forecasting tal-ħiliet futuri li jkunu marbuta direttament mas-setturi l-ġodda u mat-teknoloġija avvanzata u li jkunu sector-specific. Dan jippermettilna nindirizzaw in-nuqqasijiet li diġà qegħdin nesperjenzaw, u li se jiggravaw jekk ma neħdux azzjoni issa.
Se nkunu qegħdin ninvestu fi programm nazzjonali ta’ reskilling u upskilling tal-ħaddiema, kemm fl-oqsma diġitali, fl-AI, u fl-industriji tal-valur miżjud, fi proċess kontinwu u ggwidat minn data reali. Se nindirizzaw mhux biss il-ħtieġa li noħolqu ħiliet ġodda, imma wkoll li ngħinu lin-negozji jifhmu u jaddattaw ruħhom għall-bidla li ġejja. Għax l-AI mhux ser tistenna lilna. Il-bidla fid-dinja tax-xogħol mhux xi ħaġa li forsi tiġi. Qiegħda magħna diġà.
Din mhijiex kriżi li ġiet fuqna bla ħsieb. Din hija konsegwenza ta’ snin ta’ deċiżjonijiet ħżiena, policies reattivi, u mudell ekonomiku fallut u mhux sostenibbli.
Din hija konsegwenza ta’ Gvern li jara t-tkabbir b’mod kwantitattiv biss, popolazzjoni li illum hija 15-il darba akbar mill-medja Ewropea, u produttività dejjem tonqos, minkejja li l-popolazzjoni splodiet. Gvern li qatt ma ħaseb fi kwalità, fi produttività, jew f’ħaddiema bil-ħiliet li hemm bżonn kemm għal-lum u kemm għal għada.
Il-Partit Nazzjonalista jrid iġib bidla. Irid mudell teknoloġiku, produttiv u bbażat fuq data, mhux li jiddependi fuq knee-jerk reactions u soluzzjonijiet ta’ malajr li jtellfu, iżjed milli jgħinu, l-industriji u n-negozji tagħna. U diġà qed jkun ikun proattiv bi proposti li nużaw it-teknoloġija biex inkunu iżjed produttivi, inżidu l-flessibbiltà, innaqqsu l-ispejjeż operattivi għall-industrija, intejbu l-kompetittività, u nagħmlu lil Malta aktar attraenti għall-investiment, kemm lokali kif ukoll barrani.
Pajjiż li jipprepara għall-bidla, u jantiċipaha flimkien mal-imsieħba soċjali u l-industrija, huwa pajjiż li jirnexxi.
Dan intqall fi stqarrija minn Ivan Castillo ix-shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni u Darren Carabott ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà.
//= $special ?>

