Fl-aħħar ħinijiet ġie arrestat Andrew Mountbatten-Windsor, fuq suspetti ta’ imġiba ħażina f’kariga pubblika.
Andrew – li fl-aħħar jiem kien itteħidlu t-titlu ta’ prinċep – kien arrestat mill-Pulizija ta’ Thames Valley, li fil-mument qed jgħamlu tfittxija fis-Sandringham Estate f’Norfolk – li hi residenza privata tal-familja rjali. Dan hu propju fejn ġie arrestat aktar kmieni llum Mountbatten-Windsor.
Mountbatten-Windsor beda jgħix f’din ir-residenza fil-bidu ta’ dan ix-xhar wara li ġie mitlub mir-Re biex jitlaq mir-Royal Lodge f’Windsor minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ Jeffrey Epstein. Intant, qed isseħħ tfittxija fir-Royal Lodge ukoll.
Andrew Mountbatten-Windsor illum għalaq 66 sena, u hu qed jiffaċċja diversi akkużi b’rabta mal-Epstein Files.
Kollox jindika li dan l-arrest, skont il-Pulizija, sar wara ilment dwar tixrid ta’ informazzjoni sensittiva minn l-eks prinċep lil Esptein.
B’risposta għall-arrest, ir-Re Charles ippubblika stqarrija fejn qal li “l-liġi trid tieħu l-kors tagħha” u li l-awtoritajiet għandhom l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-familja rjali. Il-Prinċep William u l-Prinċipessa Kate ħabbru appoġġ għall-istqarrija tar-Re.

Il-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer stqarr li Mountbatten-Windsor għandu jikkopera mal-awtoritajiet Britanniċi u mal-awtoritajiet Amerikani fir-rigward tal-Epstein Files. Skont hu, l-ġustizzja għandha tapplika f’dan il-każ bħal ma kienet tapplika f’każ ieħor.
Minn naħa tiegħu, Mountbatten-Windsor dejjem ċaħad kull akkuża, u dan l-arrest ma jfissirx li dan huwa ħati.
Intant, Mountbatten-Windsor kien ġie akkużat li fis-sena 2000 stupra tfajla ta’ taħt l-età darbtejn u darba oħra wara li għalqet it-tmintax -il sena. Din it-tfajla – li kien jisimha Virginia Giuffre – kienet ġiet allegatament traffikata minn Jeffrey Epstein.
Wara l-ħelsien t’Epstein mill-ħabs fl-2010 – li kien f’ditenzjoni mixli bit-traffikar tal-minuri – Mountbatten-Windsor ġie fotografat ma’ Epstein fi New York.
Wara ħajja tfittex il-ġustizzja, Virginia Giuffre sfortunatament ħadet ħajjitha b’idejha f’April tal-2025.
Mal-aħbar tal-arrest ta’ Mountbatten-Windsor, il-familja ta’ Giuffre stqarret li hu qatt ma kien prinċep.
S’issa għadu mhux magħruf fejn qed jinżamm l-eks prinċep.
Dan mhuwiex l-ewwel każ t’ arrest ta’ ħu jew oħt ir-Re jew ir-Reġina. Qabel dan il-każ, fl-1554, Elizabeth Tudor – li eventwalment saret ir-Reġina Eliżabetta I – kienet ġiet arrestata mill-forzi tar-Reġina mixlija b’involviment f’ribelljoni bil-għan li jitwaqqaf iż-żwieġ bejn oħtha, ir-Reġina Marija, u Philip ta’ Spanja.
Intant, fl-2002 il-Prinċipessa Anne – li kienet bint ir-Reġina inkarigata Eliżabetta t-Tieni – nstabet ħatja talli l-kelb tagħha attakka żewġ subien. Il-Prinċipessa kienet immultata ħames mitt lira Britannika, ġiet meħtieġa li tħallas kumpens lis-subien u li tibda t-taħriġ tal-klieb.
Fl-1977, fl-1990 u fl-2001 il-Prinċipessa Anne kienet immultata minħabba veloċità eċċessiva waqt li kienet qed issuq. Bintha ukoll kienet inqabdet li saqet b’veloċità eċċessiva, u ġiet ipprojbita li ssuq għal sitt xhur.
Il-każ ta’ Mountbatten-Windsor huwa uniku peress li bħala membru tal-familja rjali Mountbatten-Windsor ġie arrestat minn forzi indipendenti tal-Istat u mhux minn forzi kkontrollati mir-Re bħal ma ġara f’ċertu episodji fl-antik fejn ir-Re jew ir-Reġina kienu jużaw poter politiku personali.


