Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Dr Francesco Depasquale, ordna lill-Avukat tal-Istat iħallas is-somma ta’ €254,307 f’kumpens lis-sidien li l-proprjetà tagħhom kienet qed tintuża bħala każin Laburist fil-Belt Valletta.
Il-fatt li s-sidien tal-propejetà ġew leżi milli jgawdu l-proprjetà tagħhom u li l-kera li kienu qed jirċievu hija bil-wisq inqas mill-valur fis-suq u l-fatt li l-Qorti fuq it-talba tal-iżgumbrament qalet li din it-talba trid issir ġewwa fora oħra, issa huwa mistenni li din it-talba ssir fil-Bord tal-Kera, bil-possibbiltà li l-PL jiġi żgumbrat mill-każin tal-Belt.
Il-kawża saret kontra l-Avukat tal-Istat, il-Partit Laburista u l-Kumitat taċ-Ċentru Laburista tal-Belt Valletta, dwar fond fil-41/2 Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, mikri bħala każin politiku għal madwar 70 sena. Ir-rikorrenti, li jippossjedu 24 minn 25 sehem tal-proprjetà, ilmentaw li qed jirċievu kera annwali ta’ €604.12 flimkien ma’ 5% tad-dħul annwali mill-attività ekonomika tal-każin, ammont li sostnew huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-valur tas-suq.
Huma sostnew li d-dispożizzjonijiet tal-Kap. 69 tal-Liġijiet ta’ Malta, kif ukoll emendi sussegwenti inkluż l-Att X tal-2009 u r-Regolamenti dwar il-Kundizzjonijiet tal-Kirjiet tal-Każini, kisru d-dritt tagħhom għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà kif garantit mill-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea.
Il-Qorti ħatret lill-Perit Elena Borg Costanzi sabiex tistma l-valur tal-fond. Fir-rapport tagħha, hija kkonkludiet li l-proprjetà għandha valur fis-suq liberu ta’ €880,000 u li l-valur lokattiv annwali tagħha tela’ minn €1,500 fl-1987 għal €44,000 fl-2023. Ma sarux domandi fuq dan ir-rapport u l-Qorti ddeċidiet li tistrieħ fuq il-konklużjonijiet tiegħu.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-Istat sostna li l-kirja oriġinali kienet frott ftehim volontarju u li l-Istat għandu marġni ta’ diskrezzjoni biex jirregola l-użu tal-proprjetà fl-interess pubbliku. Il-Kumitat taċ-Ċentru Laburista Valletta sostna li huwa wkoll proprjetarju ta’ 1/25 tal-fond, akkwistat fl-2004.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat li r-rikorrenti għandhom sehem ta’ erbgħa u għoxrin minn ħamsa u għoxrin tal-fond inkwistjoni, u għalhekk is-somma finali dovuta lilhom għas-sehem tagħhom tammonta għal €254,307. Il-Qorti kkonfermat li dan huwa l-kumpens dovut lir-rikorrenti fir-rigward tal-ishma tagħhom fil-proprjetà msemmija.
Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha tal-Avukat tal-Istat. Il-Qorti ddikjarat li l-operazzjonijiet tal-Ordinanza li Tirregola t-Tiġdid tal-Kiri tal-Bini, jiġifieri Kapitolu 69 tal-Liġijiet ta’ Malta u l-leġiżlazzjoni sussidjarja 16.13, jiksru d-drittijiet tar-rikorrenti kif protetti mill-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
- Perjodu tal-kalkolu
- L-ewwel pass kien li tistabbilixxi minn meta jibda jiġi kkalkulat il-kumpens.
- Ir-rikorrenti talbu li kwalunkwe kumpens jingħata mis-sena 1987 ‘il quddiem.
- Il-Qorti osservat li l-fond ġie mikri mill-1950 u dejjem lill-Partit Laburista.
- Il-kumplament ta’ dan il-perjodu huwa meqjus b’mod eżekuttiv mill-Kap. 319, applikabbli mit-30 ta’ April 1987 ‘il quddiem.
- Perjodu finali
- Għalhekk, il-kumpens għandu jiġi kkalkulat minn Mejju 1987 sal-preżentazzjoni tal-kawża (29 ta’ Marzu 2023), jiġifieri bejn Mejju 1987 sa April 2023.
- Dan jipproduċi perjodu ta’ 35 sena u 11-il xahar. Il-Qorti, minħabba l-fatt li l-vjolazzjoni għadha qiegħda tippersisti, żiedet sena waħda għal fini ta’ prattiċità, u għamlet il-perjodu finali ta’ 36 sena.
- Danni Pekunjarji
- Fil-livell ta’ danni pekunarja, il-Qorti referiet għall-każ Trapani Galea Feriol pro et noe et vs Kummissarju tal-Artijiet (31 ta’ Ottubru 2014), fejn ġew osservati standards u metodoloġija għall-komputazzjoni tal-kumpens għal leżjonijiet ta’ dritt fundamentali f’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea.
Fil-qosor, il-Qorti stabbilixxiet li r-rikorrenti għandhom jingħataw kumpens li jikkompeti għad-danni mill-1987 sa April 2023, u li dan għandu jinkorpora d-danni pekunarji relatati mal-ksur tad-drittijiet tagħhom fil-fond mikri lill-Każin politiku.
Konsegwentement, ġie ddikjarat li l-Avukat tal-Istat huwa responsabbli għall-kumpens u d-danni sofferti mis-soċjetà rikorrenti minħabba l-ksur stabbilit. Il-Qorti likwidat il-kumpens fl-ammont ta’ €254,307 u ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas din is-somma lis-soċjetà rikorrenti.
Dwar l-ispejjeż, ġie deċiż li l-Avukat tal-Istat għandu jerfa’ l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti. Fil-mertu, il-Qorti sabet li minkejja l-emendi leġiżlattivi li daħlu fis-seħħ tul is-snin, inkluż iż-żieda minima għal €5,000 fis-sena jew 1% tal-valur tal-fond mill-2018 ’il quddiem, ma nħoloqx bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet fundamentali tas-sidien.
Il-kera imposta baqgħet ferm taħt il-valur tas-suq u għalhekk ikkawżat piż sproporzjonat fuq ir-rikorrenti. Konsegwentement, il-Qorti ddikjarat li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kap. 69 u leġiżlazzjoni relatata, sa fejn japplikaw għall-fond in kwistjoni, wasslu għal ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll.
Hija ordnat il-ħlas ta’ kumpens kemm għal danni pekunjarji kif ukoll morali, li għandu jiġi likwidat skont il-parametri stabbiliti fis-sentenza, bl-imgħax legali mid-data tal-preżentata tal-kawża sal-ħlas effettiv.
Dwar it-talba għall-iżgumbrament, il-Qorti osservat li filwaqt li setgħet tiddikjara l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fir-relazzjoni bejn il-partijiet, il-kwistjoni tal-pussess u l-iżgumbrament kellha tiġi regolata skont l-effetti konkreti tas-sentenza u l-proċeduri sussegwenti quddiem il-fora kompetenti.
Is-sentenza tkompli ssaħħaħ il-linja ġurisprudenzjali lokali li f’dawn l-aħħar snin sabet ksur f’diversi każijiet relatati ma’ kirjiet ta’ każini politiċi u soċjali taħt leġiżlazzjoni antika tal-kera, fejn il-Qrati Maltin, fid-dawl tal-prinċipji tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, enfasizzaw il-ħtieġa ta’ “fair balance” bejn l-interess ġenerali u d-drittijiet tas-sidien.
Għas-sidien dehru l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia.
//= $special ?>

