Lokali Qorti

Dikjarat null appell tal-Avukat Ġenerali fuq każ relatat ma’ inċident tat-traffiku

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, iddikjarat null l-appell imressaq mill-Avukat Ġenerali kontra s-sentenza li kienet illiberat lil David Grech minn kull ħtija relatata ma’ inċident tat-traffiku li seħħ f’Ġunju tal-2021 fin-Naxxar.

Grech kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat li, fit-30 ta’ Ġunju 2021, bejn is-7:00am u d-9:00am fi Triq is-Salini, Naxxar, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq Kevin Bilham permezz ta’ sewqan bi traskuraġni ta’ vettura Opel Astra. Huwa kien akkużat ukoll li kkawża ħsara fuq vetturi oħra involuti f’dik li ġiet deskritta bħala “chain collision”, kif ukoll li saq b’manjiera perikoluża.

Mill-provi kien irriżulta li għall-ħabta tat-8:30am daħlet telefonata fl-Għassa tan-Naxxar li kienet seħħet ħabta bejn tliet vetturi, u li wieħed mis-sewwieqa sofra ġrieħi f’għonqu u ttieħed l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, il-Pulizija ġew infurmati li l-persuna kienet tinsab fil-periklu tal-mewt.

Fis-1 ta’ Diċembru 2025, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet li l-prosekuzzjoni ma laħqitx il-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali u għalhekk illiberat lil Grech minn kull akkuża. Fid-deċiżjoni tagħha kienet osservat li l-imputat ma ngħatax b’mod ċar id-dritt tas-silenzju u lanqas id-dritt li jkun assistit minn avukat qabel ma ġie interrogat, u li dan in-nuqqas kellu impatt fuq il-valur tal-provi miġjuba.

L-Avukat Ġenerali ressaq appell fejn talab lill-Qorti tal-Appell tħassar u tirrevoka s-sentenza u minflok issib lill-imputat ħati, bl-aggravju ewlieni jkun li l-Ewwel Qorti għamlet apprezzament żbaljat tal-provi.

Madankollu, l-appellat ressaq eċċezzjoni fejn sostna li l-appell kien improponibbli u null, peress li kien ibbażat biss fuq apprezzament tal-provi u mhux fuq punt ta’ dritt kif mitlub mil-liġi meta l-Avukat Ġenerali jappella minn sentenza ta’ liberatorja tal-Qorti tal-Maġistrati fil-ġurisdizzjoni oriġinali tagħha.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Appell irreferiet għall-ġurisprudenza kostanti li tistabbilixxi li l-Avukat Ġenerali jista’ jappella biss meta l-liberatorja tkun ibbażata fuq interpretazzjoni jew applikazzjoni żbaljata tal-liġi, jew meta l-fatt kif dedott ma jikkostitwixxix reat. Jekk il-lament jikkonċerna biss l-apprezzament tal-provi u l-konklużjonijiet fattwali tal-ewwel qorti, ma jeżistix dritt ta’ appell.

Wara li analizzat ir-rikors tal-appell, il-Qorti kkonkludiet li l-ilment tal-Avukat Ġenerali kien jdur esklussivament madwar l-apprezzament tal-provi magħmul mill-Ewwel Qorti, u li ma tqajjem l-ebda argument sostanzjali dwar applikazzjoni żbaljata tal-liġi.

Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni ta’ Grech u ddikjarat l-appell bħala irritu u null, u astjeniet milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tiegħu. Is-sentenza ngħatat fid-19 ta’ Frar 2026.