“Il-ġustizzja soċjali mhijiex lussu, iżda hija bżonn kruċjali.”
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-Ġustizzja Soċjali, fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna. Fejn Alex Borg tenna li f’pajjiżna rridu nippromovu l-istess opportunitajiet u soċjetà ġusta għal kulħadd.
Huwa tkellem dwar l-abbozz tal-liġi li se jitressaq fil-Parlament b’rabta mas-solitudni – private members bill xprunat mid-deputat Ivan Bartolo.
B’Alex Borg jinsisti li jeħtieġ nindirizzaw din l-isfida tas-solitudni, li tolqot lil kull ġenerazzjoni.
Tkellem fost l-oħrajn dwar l-aċċess soċjali għax-xogħol, għall-edukazzjoni affordabbli, għas-saħħa u setturi oħrajn li jeħtieġ li nindirizzawhom b’mod serju.
Saħaq li konferenzi bħal dawn huma kruċjali għaliex hemm bżonn li jkun hemm enfasi serja tul is-sena kollha fuq soċjetà aktar stabbli, fuq it-tisħiħ tas-solidarjetà, l-empatija u d-dinjità lejn kulħadd.
Għall-konferenza kienu preżenti deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, kif ukoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali Charles Bonello.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Justin Schembri tenna li għad għandna tfal li qed jiġu rifjutati l-aċċess għal ċertu servizzi – bħall-LSEs. Saħaq li rridu nassiguraw li nsaħħu l-qasam edukattiv u soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar is-saħħa mentali li hija sfida globali. Dan filwaqt li il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet li huwa l-obbligu taż-żewġ naħat tal-kamra li jiġu quddiem il-poplu b’soluzzjonijiet.
Intant, qabel il-konferenza li saret fil-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħa sehem f’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Emeritu George Frendo …proprju fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali.
//= $special ?>

