F’seduta f’qorti f’Kalifornja, l-Eżekuttiv tal-kumpanija Meta, Mark Zuckerberg, stqarr li l-kumpanija ma tippermettix l-użu tal-applikazzjonijiet tagħha bħall-Facebook u Instagram minn tfal ta’ taħt it-tlettax-il sena.
Dan il-każ ċivili beda meta mara Amerikana ġabet każ quddiem qorti kontra l-kumpaniji Meta, Google, Tiktok, u Snap Inc. minħabba li s-servizzi tagħhom allegatament ikkawżaw ħsara lis-saħħa mentali tagħha meta kienet tifla.
Skont hi, il-kumpaniji fittxu l-profitti billi kkawżaw vizzji fit-tfal minkejja li kienu jafu li s-servizz tagħhom seta’ jikkawżalhom il-ħsara. Fil-kawża, hi stqarret li l-applikazzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji ggravaw id-dipressjoni tagħha u l-ħsieb ta’ suwiċidju.
Fis-seduta, l-avukat tal-mara li fetħet il-kawża ġab evidenza li t-tfal ta’ taħt it-tlettax-il sena huma demografija ewlenija għal dawn il-kumpaniji. Wera wkoll preżentazzjoni interna ta’ Meta mill-2018 li fih impjegati li ħadmu fuq l-applikazzjoni Instagram sostnew li l-kumpanija għandha tattira lit-tfal mill-età ta’ ħdax-il sena.
L-eżekuttiv Zuckerberg wieġeb bi spjegazzjoni li dik il-preżentazzjoni seħħet fil-kuntest ta’ pjanijiet interni li jiġu kkreati verżjoni ta’ Instagram u Facebook għat-tfal ta’ taħt it-tlettax-il sena b’kontrolli mill-ġenituri. Dawn il-pjanijiet ma kenux segwiti minħabba li l-kumpanija, minflok, iddeċidiet li ma tippermettix l-użu ta’ Instagram u Facebook minn tfal ta’ taħt it-tlettax-il-sena.
Zuckerberg stqarr li huwa diffiċli biex kumpaniji tal-applikazzjonijiet jivverifikaw l-età tal-utenti u li r-responsabbiltà għandha taqa’ fuq il-manifatturi tal-mowbajls. Hu sostna li l-użu ta’ Instagram minn tfal ta’ taħt it-tmintax-il sena jikkontribwixxi inqas minn 1% tad-dħul ta’ Meta mill-applikazzjoni – jiġifieri Meta ma fittxitx il-profitti mill-użu tal-minuri bħalma kienet stqarret l-applikant ta’ dan il-każ.
Il-kumpaniji Tiktok u Snap Inc. kienu ddeċidew li jipprovdu ammont ta’ flus lill-mara qabel ma bdiet il-kawża ħalli huma ma jitteħdux il-qorti.
Il-każ hu mistenni li jkompli b’iktar seduti iżjed tard din is-sena.
Il-policies fuq l-abbonati mal-pjattaformi tal-kumpanija Meta taħt skrutinju f’Qorti Amerikana


