Lokali

Jeħtieġ ningħaqdu fil-ħidma għall-ġid komuni u għal soċjetà ġusta

Tkompli l-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali b’Konferenza Nazzjonali fil-Parlament; ippreżentat l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Solitudni

Irridu ningħaqdu biex naraw il-ġid komuni għal pajjiżna, u inizjattiva bħall-Ġimgħa għall-Ġustizzja Soċjali tagħmel proprju dan.

Fid-diskors tiegħu fi tmiem Konferenza Nazzjonali li saret dalgħodu fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li hu minn dejjem emmen li s-solitudni għandha tkun indirizzata b’aktar impenn u kien għalhekk li żied din ir-responsabbiltà mal-portafoll tax-Shadow Minister Ivan Bartolo. Huwa faħħar l-abbozz ta’ liġi li ħejja Ivan Bartolo dwar is-solitudni li ddeskrivieh bħala abbozz importanti li jista’ jbiddel il-ħajjiet tan-nies. 

Alex Borg irringrazzja lil kull min ipparteċipa matul din il-ġimgħa ta’ attivitajiet u qal li inizjattivi bħal dawn ikomplu jsawru politika min-nies għan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-isfidi ewlenin f’Malta, bħall-isfidi ta’ wħud biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, il-problemi tal-akkomodazzjoni, il-faqar fost il-ħaddiema minkejja li jaħdmu full-time, id-diskriminazzjoni ibbażata fuq ġeneru, etniċità, diżabbiltà jew status soċjali u n-nuqqas ta’ ugwaljanza fejn jidħol aċċess għal servizzi essenzjali huma fost l-oqsma li jeħtieġu rieda politika biex jiġu eradikati.

Alex Borg saħaq li ma nistgħux nitkellmu biss fuq liġijiet imma fuq id-dinjità ta’ kull bniedem li trid tiġi mħarsa, fuq il-kwalità tal-ħajja u fuq l-empatija li għandu jkollna lejn xulxin. Huwa qal li l-ġustizzja soċjali mhijiex lussu imma hija investiment fil-futur ta’ pajjiżna.

Fi tmiem din is-seduta plenarja speċjali tal-Parlament, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda kontra l-Faqar u s-Solitudni Ivan Bartolo ppreżenta lill-President tal-Kamra Anġlu Farrugia l-Private Member’s Bill tal-Oppożizzjoni dwar is-Solitudni. Dan l-Abbozz ta’ Liġi għandu l-għan li jħeġġeġ aktar ħidma u impenn mill-politiċi fil-ġlieda kontra din l-epidemija moderna.

Il-laqgħa fetħet b’diskors tal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia li qal li l-ġustizzja soċjali m’għandhiex tintuża bħala slogan vojt imma għandha tkun it-tema ta’ diskussjoni serja.

Il-kejl morali ta’ soċjetà, qal l-Ispeaker, hu bbażat fuq kif tittratta lil kull persuna, l-aktar lil dawk li huma vulnerabbli. Soċjetà ġusta ma tinjorax id-differenzi, imma tagħrafhom u aktar minn hekk tara kif se tegħlibhom. Anġlu Farrugia qal li diskussjonijiet bħal dawn ifakkruna lkoll fid-dmir morali li għandna li nieħdu ħsieb lil xulxin.

Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri li tkellem dwar kif kultant l-edukazzjoni qed tispiċċa tkun sors ta’ inġustizzja u qal li fejn m’hemmx aċċess għall-edukazzjoni hemm inġustizzja.

F’diskors qasir il-Ministru Michael Falzon rrefera għall-ġlieda kontra t-taboo dwar il-mard mentali fejn qal li rridu nimpenjaw ruħna aktar biex din il-ġlieda tintrebaħ.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet li l-pajjiż hu għatxan għal politika li mhux tal-blu u tal-aħmar u l-politika soċjali ma titkellimx bil-kuluri. Hi fakkret fl-obbligu tal-politiċi li jisimgħu u li jiġu b’soluzzjonijiet.

Saru wkoll numru ta’ interventi minn persuni li għandhom xi rabta mal-qasam tal-ġustizzja soċjali u li ntalbu jaqsmu l-ideat tagħhom waqt din il-laqgħa plenarja.

Vanessa Portanier Mifsud – L-isfidi ta’ tfal b’diżabbiltà
Vanessa Portanier Mifsud, edukatriċi u omm tifel b’diżabbiltà qalet li minkejja li l-liġijiet u l-istrateġiji jeżistu, hemm ukoll sfidi serji fejn tidħol implimentazzjoni effettiva, accountability u sapport għal tranżizzjoni bejn l-iskola u d-dinja tax-xogħol. Hija ħeġġet għal riforma serja li tiżgura li dawk b’diżabbiltà ma jibqgħux isibu xkiel żejjed li jċaħħadhom minn ħajja ta’ dinjità u suċċess.

Michael Debattista – L-inklużjoni soċjali għal persuni b’diżabbiltà
Michael Debattista tkellem dwar nuqqasijiet fejn jidħol taħriġ għal persuni b’diżabbiltajiet biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità li għad hemm f’ħafna postijiet li jissarraf f’diskriminazzjoni.

Aldo Calleja – L-effett ta’ makkinarji fuq is-saħħa tal-bniedem
Aldo Calleja rrefera għar-riskju fuq is-saħħa minn vibrazzjonijiet ikkawżati minn magni. Hu spjega kif dan qed iwassal biex persuni jiżviluppaw diżabbiltjiet, kultant anke wara ħafna snin li jkunu ġew esposti għal dawn il-makkinarji. Hu fakkar li hemm standards Ewropej u insista li r-risk assessments li jsiru għandhom jiġu ppubblikati.

Anna Maria Baldacchino – Riskji għas-saħħa fiżika u mentali minn storbju żejjed
Anna Maria Baldacchino tkellmet dwar it-tbatija li għaddejjin minnha ħafna nies minħabba storbju żejjed minn xogħol ta’ kostruzzjoni u minn mużika tgħajjat sa ħinjiet bikrija ta’ filgħodu. Hi appellat lill-awtoritajiet biex jagħmlu xogħolhom u jħarsu s-saħħa tan-nies billi jaraw li l-liġijiet jiġu rispettati.

Doreen Mamo – L-isfidi tas-saħħa mentali
Doreen Mamo tkellmet dwar id-distinzjoni li għadha ssir bejn mard fiżiku u dak mentali. Hi fakkret fil-wegħda ta’ sptar ġdid speċjalizzat għas-saħħa mentali li kellu joffri kura ta’ kwalita u dinjità lill-pazjenti – wegħda li sal-lum baqgħet ma twettqitx u appellat għal aktar koordinazzjoni bejn il-ministeri biex persuni vulnerabbli jingħataw il-kura u s-servizzi li jixirqilhom.

Marika Borg Wirth – L-isfidi soċjali fil-komunitajiet tagħna
Marika Borg Wirth tkellmet dwar id-diffikultà li jsibu nies li ma jingħatawx ċans jerġgħu jidħlu f’komunità wara li jkunu ġew emarġinati. B’mod partikolari tkellmet dwar it-tbatija ta’ min ma jistax jaħdem u jrid jgħaddi b’€600 fix-xahar u tablet għal aktar għajnuna għal min qiegħed fil-bżonn. 

Michael Sammut – Il-kirjiet u l-anzjani
Michael Sammut tefa’ dawl fuq id-diffikultajiet li ħoloq il-Gvern għal ħafna anzjani meta daħħal il-liġi tar-riforma tal-kirjiet u qal li din ir-riforma fissret li ħafna anzjani spiċċaw b’kawżi miftuħa kontrihom. Hu appella biex minnufih tinstab soluzzjoni ġusta għall-problema li ħoloq il-Gvern.

Emanuel Calleja – Id-dritt tal-bniedem għal dar xierqa
Emanuel Calleja tkellem dwar kif id-drittijiet fundamentali tiegħu u tal-familja tiegħu ġew miksura meta xtara dar li kienet mimlija problemi u ma sabx l-appoġġ meħtieġ u spiċċa vittma meta l-awtoritajiet saħansitra fetħu kawżi kontrih. Hu appella biex dawn l-abbużi u l-persekuzzjoni fuq il-familji jieqfu u biex is-saħħa tan-nies tkun imħarsa b’kull mod.

Anthony Degiovanni – Min huma l-persuni anzjani?
L-individwalità tal-anzjani bħala persuni, wieħed differenti mill-ieħor, kienet it-tema li tkellem dwarha Anthony Degiovanni. Hu saħaq fuq l-importanza li nagħrfu lil kull persuna – anzjan jew le – bħala individwu u li nkomplu naspiraw għall-aqwa futur għal kull persuna.

Albert Cilia Vincenti – Diskriminazzjoni fil-pensjonijiet
Albert Cilia Vincenti tkellem dwar il-pensjonijiet f’pajjiżna u d-diskriminazzjoni li għad hemm f’ċerti każijiet. Huwa saħaq li l-pensjoni hija kuntratt bejn l-istat u appella biex fejn hemm diskriminazzjonijiet fil-pensjonijiet jiġu indirizzati u solvuti.

Anatole Baldacchino – L-inġustizzja mas-survivors tat-Thalidomide
Anatole Baldacchino tkellem dwar l-inġustizzji li batew u li għadhom qed ibatu l-familji Maltin li sfaw vittma tal-mediċina Thalidomide. Hu qal li l-argument li dan hu tal-passat ma jreġix u appella għal ġustizzja ma’ dawk kollha milquta minn din il-mediċina. 

Wara d-diskors ta’ Anatole Baldacchino inżammet minuta silenzju f’rispett lejn il-vittmi tat-Thalidomide.

Is-seduta speċjali tal-lum fil-Parlament kienet tifforma parti minn programm sħiħ ta’ ġimgħa mfassal mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo li beda t-Tnejn li għadda b’Round Table Conference. It-Tlieta saru numru ta’ żjarat inkluż fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali. L-Erbgħa saret laqgħa ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi bis-sehem tal-kantanta Taljana Annalisa Minetti u konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Ivan Bartolo, Lara Said u l-istess Minetti.

L-attivitajiet marbuta mal-ġimgħa ddedikata lill-ġustizzja soċjali jiġu fi tmiemhom għada filgħaxija b’serata fil-Palazz tal-President f’Ħ’Attard taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono li matulha se jingħata l-Premju Ġustizzja Soċjali 2026 lil numru ta’ persuni u organizzazzjonijiet bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom fil-qasam soċjali.