Lokali Qorti

Jgħid li ġie mhedded bil-mewt u msawwat minn erba’ kollegi li allegatament serqulu kollox

Raġel qal fil-qorti li wieħed minn erba’ kollegi allegatament hedddewh li joqtluh meta dawn marru fl-appartament tiegħu, fejn sawtuh u serqulu kollox. Ir-raġel kien qed jixhed fil-proċeduri kriminali kontra Evaneglos Paplios ta’ 29 sena, Christos Athanasios Paschalidis ta’ 30 sena u Spyridon Voulgarakis ta’ 30 sena, li jgħixu Ħ’Attard, flimkien ma’ Vasileios Kontogiannis ta’ 33 sena li jgħix Birkirkara. Huma akkużati li kkawżawlu ġrieħi gravi.

Ir-raġel qal li ilu jaħdem Malta għal dawn l-aħħar tliet xhur u nofs ma’ kumpanija tal-iGaming. Dakinhar tal-inċident, madwar erba’ rġiel marru d-dar tiegħu flimkien mal-flatmate tiegħu. Dan tal-aħħar ħabbatlu l-bieb u qallu li kellhom bżonn jitkellmu. Meta fetaħ il-bieb, Paplios daħal fil-kamra segwit mit-tlieta l-oħra.

“L-ewwel kliem li qaluli kien ‘Fejn hi l-Moncler?’” (referenza għal xi ġakketta) qal ix-xhud, filwaqt li sostna li kien ilu jilbes l-istess ħwejjeġ għal jumejn jew tlett ijiem għax kienu ħadulu l-ħwejjeġ tiegħu. Skont ix-xhieda, Paplios kellu sikkina żgħira f’idu li poġġieha qrib għonqu, waqt li Kontogiannis kien qed iżomm furketta.

Paplios allegatament qallu kliem offensiv u hedddu li “joqtlu”. Huwa beda jolqtu b’idu l-oħra, waqt li x-xhud qal li niżel għarkupptejh u għatta rasu b’idejh. It-tlieta l-oħra ngħaqdu miegħu u bdew isawtuh. Filwaqt li Paplios u Kontogiannis kienu qed jattakkawh, iż-żewġ akkużati l-oħra allegatament ħadulu l-kartiera li kien fiha karti bankarji Griegi, ġakketta Moncler li kienet tiswa madwar €500, ġakketta oħra li kienet tiswa €200 u mowbajl li kien jiswa €300. “Ħaduli kollox,” qal ix-xhud.

Hu qal li ġie milqut u msawwat f’kull parti ta’ ġismu aktar minn 40 darba għal madwar 10 minuti. Meta ntwerewlu ritratti tiegħu mimdud fuq sodda tal-isptar, fakkar li kellu qatgħa f’rasu u kien qed jitlef id-demm. Qal li ra furketta “miksura” ħdejn wiċċu.

“Inħossni ħażin ħafna nara dan ir-ritratt,” qal, waqt li żied li kien hemm demm mal-ħajt, li kollox fil-kamra tiegħu kien imkisser u li ħwejġu ntefgħu fis-salott. Qal ukoll li sofra ġrieħi f’irkopptu u ma setax jimxi sew. Huwa allega li wara li sawtuh fil-kamra, Kontogiannis ġibdu minn idu lejn is-salott fejn kompla jolqtu u hedddu li jekk iċempel lill-pulizija joqtlu.

Meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-prosekutur Nicholas DeGaetano, ix-xhud qal li ma jafx għaliex ġie attakkat b’dan il-mod. Spjega li kellu jagħti €200 lill-flatmate tiegħu għal kera mħallsa f’ismu, iżda li ma kellux dejn mal-erba’ akkużati.

Huwa qal li Paplios kien jaf bil-ġakketta Moncler u kien staqsieh dwarha diversi drabi, filwaqt li Voulgarakis kien ċempillu u offra €150 għaliha. Skont ix-xhud, huma talbuh bejn għaxar u għoxrin darba għal din il-ġakketta.

Ix-xhud allega wkoll li wara li tressqu l-qorti, Paplios hedddu bil-Grieg li jeħduh il-Greċja u joqtlu. Taħt kontro-eżami mill-avukat Nicholas Mifsud, ix-xhud ammetta li kellu jagħti €200 lill-flatmate tiegħu. Hu qal li l-flatmate kien preżenti waqt l-attakk iżda ma ndaħalx u ma ċempilx lill-pulizija. “Kont qed ngħajjat għall-għajnuna,” qal ix-xhud, filwaqt li sostna li ma jafx għaliex ma sarx kuntatt mal-awtoritajiet.

L-avukat issuġġerixxa li l-akkużati marru biex jiddiskutu flus li allegatament kellu jagħtihom u li l-oġġetti ttieħdu bħala garanzija, iżda x-xhud ċaħad dan. Huwa ammetta li kien ipejjep il-kannabis meta mistoqsi dwar dipendenza mid-droga.

Il-flatmate tiegħu wkoll xehed. Hu qal li filgħodu tal-inċident kien infurmat li erba’ persuni kienu qed ifittxu lix-xhud dwar flus allegatament dovuti. Wara li spiċċa mix-xogħol, iltaqa’ mal-erba’ akkużati li kienu qed jistennewh, u flimkien marru lejn l-appartament.

Hu qal li meta waslu ħabbtu l-bieb u ftit wara beda l-attakk, li skont hu dam bejn 30 sekonda u minuta. Qal li “ffriża” u ma fehemx x’kien qed jiġri, u ammetta li ma ċempilx lill-pulizija għax ħass li ma setax iwaqqaf is-sitwazzjoni. Hu kkonferma li l-akkużati ħadu xi ħwejjeġ.

Waqt is-seduta, d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet ta’ pleġġ, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa minħabba n-nuqqas ta’ rabtiet tal-akkużati ma’ Malta. Il-qorti mistennija tiddeċiedi iktar il-quddiem jekk tilqax it-talba.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat tal-Avukat Ġenerali Nicholas DeGaetano assistit mill-Ispettur Clayton Abela. L-erba’ akkużati huma rappreżentati mill-avukati Nicholas Mifsud, Silvan Pulis u Herman Mula.