Lokali

Kelliema barranin se jkunu qed jindirizzaw il-Konvenzjoni Nazzjonali

Il-programm jiftaħ is-Sibt b'sitt workshops; wieħed minnhom f'Għawdex

Għall-Konvenzjoni Nazzjonali ta’ nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej ġew mistiedna numru ta’ kelliema barranin li ġejjin Malta apposta għal dan l-avveniment importanti.

Ikkonferma dan il-Kap tal-PN innifsu, Alex Borg, meta f’dawn il-jiem żar in-newsroom tal-MaltaToday – propju qabel l-Konvenzjoni li se titlaqqa’ fi tmiem din il-ġimgħa fil-lukanda Excelsior fil-Furjana.

It-tema ewlenija tal-Konvenzjoni Nazzjonali se tkun “Malta ‘l Quddiem”.

Il-programm jiftaħ is-Sibt b’sitt workshops; wieħed minnhom f’Għawdex – li se jsir fis-6pm, fil-lukanda Kempinski.

Qabel dawn is-sessjonijiet importanti, dawk preżenti se jkunu indirizzati mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut u miċ-Chair ta’ din il-Konvenzjoni, George Vital Zammit.

Dan il-programm tas-sibt jiftaħ fid-9am, u dawk preżenti se jiġu indirizzati mill-Kap tal-PN.

Imbgħad, l-għada l-Ħadd, ir-reġistrazzjoni tkun fit-8am. U s-sitt rapporteurs se jippreżentaw il-konklużjonijiet tat-temi importanti li ġew diskussi.

Wara, se ssir diskussjoni bis-sehem ta’ panel ta’ esperti. Imbgħad, isegwu, żewġ kelliema li ġejjin apposta minn barra biex jindirizzaw il-Konvenzjoni Nazzjonali – li se tagħlaq għall-ħabta ta’ nofsinhar permezz tad-diskors mill-Kap tal-PN Alex Borg.

Din il-Konvenzjoni qed titqies bħala appuntament maġġuri għall-PN, li għaddej bil-ħidma importanti sabiex jitfassal il-Programm Elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

U d-diskussjoni li se ssir fil-Konvenzjoni Nazzjonali se tkompli tixpruna l-proċess biex jissawru l-ideat u l-proposti – li jkunu ġejjin min-nies għan-nies.